Żjara mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista lid-Dar tal-Providenza
Il‑Kap tal‑Oppożizzjoni u tal‑Partit Nazzjonalista Dott. Bernard Grech għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef, il‑management u r‑residenti tad‑Dar u kellu l‑opportunità li jara xi servizzi li toffri d-Dar fosthom il-pixxina terapewtika u ċ‑Ċentru Agrikolu San Isodor. Żewġ residenti offrew xi rigali ta’ tifkira lil Dott. Grech fosthom xi prodotti li jinħadmu fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.
F’diskors ta’ merħba Fr Martin irringrazzja lil Dott. Grech għaż‑żjara tiegħu u spjega l‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza. Huwa faħħar il‑fatt li Gvernijiet differenti dejjem mexxew ’il quddiem dan is‑settur u jawgura li l‑Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem favur id‑drittijiet tal‑persuni b’diżabilità.
Min-naħa tiegħu Dott. Grech qal li l-Partit Nazzjonalista japprezza l-impenn ta’ kull Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi residenzjali u favur id-drittjiet tal-persuni b’diżabilità, imma jemmen li dejjem jista’ jsir aktar f’dan is-settur. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-finanzjament ta’ dawn id-djar kif ukoll fil-prinċipju li dawn id-djar ikunu kemm jista’ jkun fil-qalba tal-komunità. Huwa rringrazzja wkoll lir-residenti għal-laqgħa ta’ merħba li tawh filwaqt li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha għall-impenn tagħhom.
This post is also available in: English