Wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament b’risq id-Dar tal-Providenza
Fil-Parlament ta’ Malta, ittellgħet wirja ta’ xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Dawn ix-xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità li ssir taħt it-tinda fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi fejn kulħadd huwa mistieden li jattendi. Dakinhar dawn ix-xogħlijiet se jerġgħu ikunu esebiti fis-sala prinċipali tad-Dar.
Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-iSpeaker, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li għal darb’oħra aċċetta bil-qalb li l-wirja terġa’ ssir fil-bini tal-Parlament, post ċentrali u aċċessibbli għall-pubbliku fil-Belt Valletta. Bl-appoġġ sħiħ ta’ Dott. Farrugia jista’ jingħad li l-wirja saret avveniment annwali. Fr Martin ħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin kollha biex fl-ewwel tas-sena jingħaqdu għall-Festa ta’ Ġenerożità.
F’diskors tal‑okkażjoni, l‑iSpeaker irrefera għall‑ħidma li wettaq Monsinjur Mikiel Azzopardi, li huwa ddeskriva bħala pijunier li għallem u ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi jibdel l‑attitudni tiegħu lejn il‑persuni b’diżabilità.
Dott. Farrugia rringrazzja lill‑artisti kollha, kemm Maltin u barranin, tal‑ġenerożità kbira tagħhom, kif ukoll lill‑dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità f’pajjiżna u lir‑residenti fid‑Dar tal‑Providenza.
Il-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l-irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com. Wieħed jista’ jibbidja online fuq: www.belgraviaauctions.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2023 sal-1 ta’ Jannar 2024.
This post is also available in: English