Wirja ta’ Xogħlijiet tal-Arti b’risq id-Dar tal-Providenza fil-Parlament ta’ Malta
Fil-Parlament ta’ Malta ġiet inawgurata wirja ta’ 109 xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Dawn ix-xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità li se terġa’ lura fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemiija COVID-19.
Il-ftuħ uffiċċjali sar mill-ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dott. Anġlu Farrugia nhar il-Ħamis 15 ta’ Diċembru. Fid-diskors tiegħu qal li d-Dar tal-Providenza hija eżempju ħaj ta’ solidarjetà nisranija. Huwa fakkar li d-Dar twaqqfet fl-1965 fuq inizjattiva ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi, bl-għajnuna tal-Maltin u Għawdxin.
Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-ispeaker li għal darb’oħra aċċetta bil-qalb li l-wirja terġa’ ssir fil-bini tal-Parlament, post ċentrali u aċċessibbli għall-pubbliku fil-Belt Valletta. Bl-appoġġ sħiħ ta’ Dott. Farrugia jista’ jingħad li l-wirja saret avveniment annwali. Fr Martin ħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin kollha biex fl-1 ta’ Jannar jingħaqdu għall-Festa ta’ Ġenerożità li se terġa’ lura fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi fejn kulħadd huwa mistieden li jattendi.
Din il-wirja, li se tibqa’ sejra sas-26 ta’ Diċembru, hija miftuħa għall-pubbliku bejn id-9:00am u l-5:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn id-9.00am u n-nofsiegħa s-Sibt u l-Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l-esibizzjoni billi jippreżenta l-Karta tal-Identità. Il-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l-irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa’ tkun xandira televiżiva bejn l-10.30am u nofsillejl. Din se ssir minn taħt it-tinda li twaqqfet apposta fejn se jkun hemm ukoll għadd ta’ persuni jwieġbu t-telefonati u jieħdu d-donazzjonijiet. Bħas-soltu se tixxandar ukoll il-Quddiesa fuq TVM mill-kappella tad-Dar fid-9:30am li se tkun iċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.
This post is also available in: English