Website ġdida għad-Dar tal-Providenza
Website ġdida ghad-Dar tal-Providenza ġiet imnedija minn Monsinjur Arċisqof Pawl Cremona OP flimkien mas-Sur Alfred Borg, wieħed mir-residenti tad-Djar. L-Arċisqof Cremona faħħar din l-inizjattiva u qal li dan huwa eżempju ieħor kif l-informazzjoni u t-teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni jistgħu isaħħu s-solidarjeta’ umana u jkunu ta’ ġid komuni b’dawn il-mezzi innovativi u b’saħħithom.
Preżenti wkoll għall-avveniment, li sar fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana, kien hemm Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, Ms Nadine Camilleri Cassano, Kontrollur Finanzjarju u s-Sur Stephen Barbara disinjatur w amministratur tal-website il-ġdida.
Is-Sur Barbara spjega li l-website għandha diversi taqsimiet u kull waħda minnhom tiffoka fuq l-aspetti varji tad-Dar inklużi l-istorja tagħha, is-servizzi li tipprovdi, attivitajiet, modi kif wieħed jista’ jkun ta’ appoġġ lid-Djar u kontenut ieħor ta’ multimedia. L-informazzjoni kollha hija bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. It-taqsima tal-avvenimenti tipprovdi kalendarju ta’ attivitajiet ta’ ġbir b’risq id-Djar waqt li t-taqsima tal-multimedia fiha ritratti panoramiċi ta’ diversi taqsimiet fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
Fr Martin Micallef qal li din il-website ġdida għandha tkun ta’ għajnuna għal kull min irid isir jaf aktar dwar Id-Dar tal-Providenza, is-servizzi li toffri u kif tista’ tiġi mgħejuna.
Wieħed jista’ jidħol fil-website billi jikklikkja fuq www.dartalprovidenza.org . Min irid ikun jista’ jikkumenta billi jidħol jew fit-taqsima ‘Contacts’ jew fil-faċċata tal-Facebook tad-Dar.