Iddisinja logo ġdid għad-Dar Tal-Providenza
Id-Dar tal-Providenza qed tagħmel sejħa għal disinn ġdid ta’ logo għad-Dar. Id-Direttur, Fr Martin Micallef qal li d-Dar tal-Providenza qed tħejji biex fl-2015 tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha u l-ideja hi li jinħoloq logo ġdid li jirrifletti l-Viżjoni, l-Missjoni u l-Valuri tagħha. Kulħadd huwa mistieden li jibgħat proposti għall-logo il-ġdid li eventwalment jintuża fil-midja soċjali, fl-istampa u kull fejn ikun meħtieġ.
Dawk li jieħdu sehem iridu jassiguraw li l-proposti tagħhom huma xogħol oriġinali tagħhom u jkollhom id-drittijiet kollha għad-disinn. Kull min jibgħat proposta ta’ logo irid jaċċetta u jafferma li d-Dar tal-Providenza jkollha jeddijiet indefiniti u d-dritt li tuża u tesibixxi l-logo rebbieħ f’kull mod u f’kull ħin.
Il-proposti mibgħuta għandhom jinkludu deskrizzjoni qasira tal-motivazzjoni tad-disinn u d-derivazzjoni grafika tieghu u għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku fuq logocompetition@dartalprovidenza.org sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2013.
Se jinħatar grupp ta’ nies biex jagħtu parir lid-Dar tal-Providenza dwar l-għazla. Kull min jieħu sehem jingħata Ċertifikat tas-sehem tiegħu waqt li r-rebbieħ jingħata trofew kommemorattiv uniku. Għal aktar dettalji dwar il-Viżjoni, il-Missjoni u l-Valuri tad-Dar u il-htiġiet tekniċi kif ukoll ir-regolamenti dwar eliġibilita’ wieħed għandu jirreferi għall-website tad-Dar: www.dartalprovidenza.org