Tliet residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ f’Lourdes
Tliet residenti tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem fil-pellegrinaġġ annwali f’Lourdes għall-morda organizzat mill-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes. Il-pellegrinaġġ sar bejn l-1 u l-4 ta’ Settembru. 168persuna ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ fosthom 50 persuna morda. Grupp sabiħ ta’ żgħażagħ mill-grupp Mellieħa Youths għal darba oħra ingħaqdu mal-Assoċjazzjoni biex jgħinu bħala voluntiera.
Il-grupp Malti ħa sehem fil-funzjonijiet li jiġu organizzati f’Lourdes fosthom il-Quddiesa Internazzjonali fil-Bazilika ta’ San Piju X, l-Adorazzjoni Ewkaristika li tinżamm fl-istess post u l-Aux Flambeaux.
Saret quddiesa bil-Malti mmexxija mill-kappillan tal-Assoċjazzjoni, Patri Josè Debono O.C.D. fil-Grotta ta’ Massabielle fejn fl-1856 il-Madonna kienet dehret liċ-ċkejkna Bernadette Soubirous.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Ms Amata Camilleri qalet li din is-sena itellgħu numru sabiħ ta’ tfal, kif ukoll numru ta’ morda li jkollok ċertu riskju li toħodhom bil-għajnuna ta’ team mediku, bil-ħafna mħabba tal-voluntiera u bil-għajnuna tal-Madonna inwassluhom biex jirrealizzaw ix-xewqa tagħhom li jmorru Lourdes.
L-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes twaqqfet fl-2001 bil-għan li tassisti morda li jkunu jixtiequ jagħmlu pellegrinaġġ ġewwa Lourdes.