Titnieda t-8 Edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon
Il-BOV Marigold Volleyball Marathon 2016 timmarka t-tmien anniversarju ta’ dan l-avveniment annwali. It-tħejjijiet għall-avveniment ewlieni ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza li tant hija għall-qalb il-poplu Malti jinsabu għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna. Dan tħabbar nhar il-Ħamis minn Fr. Martin Micallef, Direttur tad-Dar Residenzjali u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson ta’ ‘The Marigold Foundation – BOV in the Community’ meta kienu qed jindirizzaw lill-midja. Preżenti matul il-konferenza stampa kien hemm ukoll is-Sa Elvia George Chief Finance Officer fil-Bank of Valletta, u Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona tal-Volleyball.
Il-Maratona li se ddum 53 siegħa se tibda nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Lulju fid-Dar Residenzjali nnifisha. Aktar minn 300 voluntier ingħaqdu biex jagħmlu dan l-avveniment possibbli, u b’hekk jiġbru fondi tant prezzjużi għad-Dar, li llum, wara ħamsin sena tagħti servizz, għadha tippersonifika l-viżjoni tal-Fundatur tagħha – Mgr. Mikiel Azzopardi. Huwa kien wieħed mill-pijunieri f’Malta li ħadem ħafna biex jiżgura li persuni bi bżonnijiet speċjali jiġu ttrattati bir-rispett u d-dinjità li jistħoqqilhom, minflok jitwaqqgħu għaċ-ċajt jew jintbagħtu f’istituzzjonijiet li mhumiex mgħammra tajjeb biex jindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom.
Fl-intervent tiegħu, Father Martin tkellem dwar il-missjoni tal-‘festa ta’ ġenerożità’ li jmiss u qal, “Id-Dar illum tinsab qrib il-missjoni tal-missier fundatur tagħha daqs il-ġurnata li fiha tqiegħdet l-ewwel ġebla. Fil-fatt, aktar tard dan ix-xahar, se nkunu qed nilqgħu l-ewwel residenti li ser ikunu qed joqgħodu f’dar ġdida fil-komunità ġewwa ż-Żurrieq. Din id-dar kienet inawgurata aktar kmieni din is-sena. Matul din il-Maratona, aħna ser inkunu qed niġbru fondi biex niftħu dar oħra fil-komunità fil-Balluta.
Is-Sinjura Michelle Muscat, President ta’ The Marigold Foundation – BOV in the Community esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-Fondazzjoni u l-Bank of Valletta qed iġeddu l-appoġġ tagħhom lejn dan l-avveniment ta’ ġbir ta’ fondi.
“Sena wara sena, aħna naraw personalment ix-xogħol iebes li ħafna, inkluż il-voluntiera, jwettqu f’din id-Dar. L-ambjent ta’ mħabba li jitrawwem fid-Dar jirrifletti fir-residenti nfushom. Id-Djar fil-komunità huma sforz ta’ min ifaħħru, għaliex inaqqas d-distakk bejn ir-residenti u l-bqija tal-komunità, u joħolqu aktar skop għall-inklużjoni u l-integrazzjoni.”
Meta tkellmet dwar il-ħidma li qed tagħmel il-Fondazzjoni, is-Sinjura Muscat spjegat li l-Fondazzjoni hija l-evoluzzjoni naturali tal-isforzi filantropiċi tal-Bank of Valletta fil-komunità. “Il-Fondazzjoni sservi bħala ħolqa bejn l-NGOs differenti u n-nies tagħhom, filwaqt li timmassimizza l-użu tar-riżorsi sabiex jiġi żgurat li jintużaw fil-kapaċità sħiħa tagħhom.
Il-Fondazzjoni tgħin lil NGOs bħad-Dar tal-Providenza biex jiġbru l-fondi tant meħtieġa permezz ta’ avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi u attivitajiet oħra, fi sforz biex tgħinhom jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
“Bħalissa hemm 78 voluntier li jinsabu għaddejjin b’sessjonijiet ta’ taħriġ li jwasslu għall-fażi tal-għażla, li matulha dawn jonqsu għal 40 plejer li se jkunu qed jipparteċipaw fil-Maratona tal-Volleyball. Dawn il-plejers jiddedikaw sigħat u sforz sinifikanti, mhux biss matul il-Maratona nnifisha imma wkoll fix-xhur ta’ qabel li jwasslu għaliha. Dan huwa meħtieġ biex ikun żgurat li huma jkollhom l-istamina meħtieġa biex jifilħu għal 53 siegħa ta’ logħob kontinwu. Bħal f’edizzjonijiet passati, fil-Maratona ta’ din is-sena se jieħdu sehem numru ta’ plejers staġjonali li ilhom magħna mill-bidu nett, u oħrajn li qed jipparteċipaw għall-ewwel darba. Matul il-Maratona se jkun hemm divertiment live minn baned u kantanti lokali, żona ddedikata għat-tfal u stands tal-ikel. Dawk entużjasti dwar il-futbol jistgħu wkoll jaraw il-partiti tal-Euro Cup 2016 fuq skrin kbir,” qal is-Sur Zammit.
Il-BOV Marigold Volleyball Marathon se ssir fid-Dar tal-Providenza bejn il-Ġimgħa, l-1 ta’ Lulju u l-Ħadd, 3 ta’ Lulju. L-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro-Preca se tkun qed tinawgura l-Maratona f’ċerimonja qasira nhar il-Ġimgħa fis-18:30. Il-pubbliku huwa mistieden iżur il-Maratona fid-Dar Residenzjali nnifisha u jagħmel donazzjonijiet li jmorru għat-tmexxija tagħha.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51702012 biex tingħata donazzjoni ta’ €15 u fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll billi jintbagħat SMS fuq 50618944 jew permezz tal-BOV Mobile Pay fuq 79324834.