Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza
Il‑Ġimgħa 19 ta’ Lulju, l‑E.T. Dr Myriam Spiteri Debono, inawgurat uffiċjalment l‑14‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza.
Erbgħin player, magħżula minn fost sebgħin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli.
Fid‑diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin Micallef filwaqt li sellem lill‑President ta’ Malta, fl‑ewwel żjara tagħha fid‑Dar tal‑Providenza, qal li l‑impenn tal‑plejers u l‑voluntiera jwassal messaġġ pożittiv għas‑soċjetà Maltija tas‑sabiħ li tagħti. Kemm hu sabiħ li tara żgħażagħ mimlija b’sens kbir ta’ ġenerożità u altruwiżmu li lesti jimpenjaw ruħhom favur inizjattivi favur il‑bniedem li għandu bżonn xi tip ta’ sapport, solidarjetà jew għajnuna. Huwa fakkar li d‑Dar tal‑Providenza, li din is‑sena tinsab fuq l‑għatba tas‑60 anniversarju tagħha, għandha bżonn ħafna finanzi biex tkompli toffri s‑servizzi residenzjali li toffri lill‑persuni b’diżabilità. L‑għajnuna li l‑poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jagħti permezz ta’ din il‑maratona tkompli timliena bil‑kuraġġ biex inkomplu din il‑ħdima fis‑snin li ġejjin.
Fr Martin tenna li hija x‑xewqa tad‑Dar tal‑Providenza li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn inkomplu nwasslu l‑messaġġ li s‑soċjetà dejjem trid tirrispetta lill‑persuni b’diżabilità, titrattahom bid‑dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l‑għażliet u l‑opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
F’diskors qasir li għamlet fil‑ftuħ tal‑maratona, il‑President ta’ Malta l‑E.T. Myriam Spiteri Debono semmiet kif “bil‑ftuħ tad‑Dar tal‑Providenza kważi sittin sena ilu, Mons. Mikiel Azzopardi mela l‑vojt kbir li kien hemm dak iż‑żmien fis‑soċjetà tagħna fir‑rigward tal‑kura u sapport għall‑persuni b’diżabilità u l‑familji tagħhom.”
Stqarret li bdiet tinħoloq kuxjenza fost il‑poplu illi dawn il‑persuni għandha tingħatalhom l‑għajnuna kollha meħtieġa sabiex ikollhom opportunità illi jilħqu l‑milja tagħhom. Fuq kollox biex ma jsofrux tbatija li tista’ tiġi evitata.
II‑President Myriam Spiteri Debono fissret kif l‑ispejjeż huma kbar u dejjem jiżdiedu u appellat għall‑ġenerożità tal‑Maltin u l‑Għawdxin.
Preżenti għaċ‑ċerimonja tal‑inawgurazzjoni attendew l‑Onor. Julia Farrugia Portelli, Ministru għall‑Inklużjoni u l‑Volontarjat, l‑Onor. Keith Azzopardi Tanti, Sergretarju Parlamentari għaż‑Żgħażagħ, ir‑Riċerka u l‑Innovazzjoni, l‑Onor. David Agius, Deputy Speaker u Shadow Minister għall‑Isports, l‑Onor. Graziella Galea, kelliema tal‑Oppożizzjoni għall‑Inklużjoni u s‑Settur tal‑Volontarjat, is‑Sur Kenneth Farrugia, is‑CEO tal‑Bank of Valletta, l‑isponsor ewlieni tal‑maratona, u s‑Sindku tas‑Siġġiewi, s‑Sur Julian Borg.
Filgħaxija matul it‑tlett ijiem tal‑maratona se jkun hemm varjetà mużikali minn numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk prinċipali.
Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.
Il‑Ġimgħa filgħaxija mid‑9:00pm sa nofsillejl se tkun mistiedna l‑band Zone 5, is‑Sibt il‑band Kantera, filwaqt li l‑Ħadd ikun hemm il‑band ta’ Spiteri Lucas.
Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar. Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività tistgħu żżuru s‑sit: www.sabihlitaghti.org jew iċċemplu fuq wieħed minn numri t’hawn taħt:
€10 5160 2011
€15 5170 2012
€25 5180 2013
€50 5190 2070
€100 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile 7932 4834
This post is also available in: English