Katekisti ta’ ‘SPRED’ iġeddu l-impenn tagħhom
Madwar 80 katekist volontier ta’ SPRED (SPecial REligious Development- Żvilupp Reliġjuż Speċjali) li l-irwol tagħhom huwa li jakkompanjaw fil-fidi persuni b’diżabilita’ intellettwali li huma residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, ġeddew l-impenn tagħhom u rċevew il-mandat ta’ katekisti għas-sena 2013-14.
Matul din il-Laqgħa-Ċelebrazzjoni, li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-iScouts fil-Floriana, irriflettew fuq il-missjoni tagħhom bħala katekisti f’għeluq il-ħdax–il sena mill-mixja tagħhom fi SPRED. Il-President tal-Universita’ ta’ Notre Dame ta’ Chicago, Rev. John I. Jenkins, jirreferi għall-impenn ta’ SPRED bħala sejħa lill-Knisja għal ministeru kruċjali u ta’ sikwit minsi. Huwa tenna li diżabilita’ intellettwali qatt ma ttellef l-istedina ta’ Ġesu’ u lanqas id-dritt ta’ dak li jkun li jwieġeb. B’din l-insistenza tagħhom huma ressqu nies bla għadd lejn il-post li hu tagħhom bi dritt fil-mejda Ewkaristika.