Sitting Volleyball @ Id-Dar tal-Providenza 2023

ParaVolley Malta, flimkien mal-Birkirkara Volleyball Club u d-Dar tal-Providenza, se jorganizzaw attività ta’ sitting volleyball fl-istess waqt li tkun għaddejja tal-Maratona tal-Volleyball ta’ din is-sena li se ssir fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd 2 ta’ Lulju 2023.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar stess, Nello Calleja, Segretarju Ġenerali ta’ ParaVolley Malta, ta ftit aktar informazzjoni dwar din l-attività. Huwa qal li għall-attività ta’ din is-sena, atleti Sloveni li huma jew membri tat-timijiet tal-Sitting Volleyball Nazzjonali fis-Slovenja jew inkella jilgħabu ma’ klabbijiet differenti fis-Slovenja, gew mistiedna jiġu Malta. Dawn l-atleti, persuni nisa u rġiel uħud minnhom b’diżabilità imma mhux kollha, ġew Malta biex jilagħbu kemm bejniethom kif ukoll kontra timijiet lokali.

Fil-fatt, players tal-volleyball kif ukoll membri tal-pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem f’dawn il-logħbiet tas-sitting volleyball li se jsiru filgħaxijiet tul it-tlett ijiem tal-Maratona tal-Volleyball bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl.

Is-Sur Calleja kompla jgħid li l-attività tas-sitting volleyball hija miftuha għal irġiel u nisa, taħlita ta’ timijiet lokali waqt li l-atleti kollha li jieħdu sehem jistgħu jkunu persuni b’diżabilità imma mhux bilfors. Huwa jemmen bis-sħieħ li dixxiplina bħal dik tas-sitting volleyball tagħti opportunità lil kulħadd li jilgħab l-istess sport b’mod l-aktar inklussiv għax mill-mument li l-atleti jpoġġu bilqiegħda fl-art biex jilgħabu jsiru kollha ndaqs. Huwa temm jgħid li jittama li attivitajiet bħal dawn ikomplu jippromwovu l-fatt li l-isport huwa għal kulħadd hu x’inhu l-livell tal-abilità tal-persuna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Portelli qalet li kienet impressjonata bl-entużjażmu muri mill-atleti sew Maltin kif ukoll Sloveni li se jieħdu sehem, u esprimiet it-tama tagħha li l-Maratona tal-Volleyball ta’ tmiem il-ġimgħa tikseb l-aħjar riżultati kemm fil-logħob kif ukoll fid-donazzjonijiet tal-pubbliku. Hija wiegħdet l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjoni ta’ tournament internazzjonali tas-sitting volley f’Malta kif kienet ix-xewqa espressa minn Nello Calleja.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Sur Charles Azzopardi, Head CSR Dept., tal-Bank of Valletta, is-Sur Stefan Decelis, President tal-Birkirkara Volleyball Club li huwa wkoll wieħed mill-organizzaturi tal-Maratona tal-Volleyball, Ms Nadine Camilleri Cassano u s-Sur Tony Sammut rappreżentanti tad-Dar tal-Providenza, flimkien ma’ atleti Sloveni u l-captains tat-timijiet li se jieħdu parti fil-Maratona tal-Volleyball  ta’ din is-sena.

Għal aktar informazzjoni għal din l-attività tistgħu tikkuntattjaw lis-Sur Nello Calleja fuq paravolleymalta@gmail.com.

This post is also available in: English