Residenti tad-Dar tal-Providenza se jmorru Ruma biex jiltaqgħu ma’ Papa Franġisku

Residenti tad-Dar tal-Providenza se jmorru Ruma biex jiltaqgħu ma’ Papa Franġisku

Nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru se tkun ġurnata speċjali għal numru ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza għax propju f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tad-Dar se jkollkom l-opportunità li jiltaqgħu personalment mal-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku ħdejn Casa Santa Marta fil-belt tal-Vatikan.

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru, seba’ w għoxrin resident u residenta jitilqu minn Malta fi triqthom lejn Ruma għal din il-laqgħa speċjali. Jakkumpanjawhom se jkun hemm l-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons Paul Cremona O.P, Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, il-Management tad-Dar kif ukoll numru ta’ carers.

Is-Sibt, 12 ta’ Settembru wara nofsinhar propju f’Jum il-Fundazzjoni tad-Dar, ser issir quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Bażilika ta’ San Paola Fuori Le Mura, f’Ruma immexxija mill-E.T. Mons Charles J. Scicluna. Għaliha se jkunu mistiedna wkoll il-Maltin li jgħixu f’Ruma fosthom l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Ruma s-Sinjura Vanessa Frazier.

Il-Ħadd filgħodu mbagħad il-grupp kollu se jattendi għal quddiesa mmexxija mill-Arċisqof li ser issir fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Pietru propju fuq il-qabar ta’ San Pietru. Wara l-Angelus imbagħad mistennija ssir il-laqgħa tar-residenti mal-Papa. Għal din il-laqgħa r-residenti lestew ktieb b’kitbiet u tpinġija tagħhom kif ukoll xi prodotti agrikoli li jipproduċu fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor fid-Dar tal-Providenza. Il-grupp mistenni lura Malta l-Ħadd filgħaxija stess.

Il-Pellegrinaġġ lejn Ruma huwa biss wieħed mill-attivitajiet ewlenin li qed jiġu organizzati fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-Dar. Attività mportanti oħra se tkun dik ta’ quddiesa ta’ ringrazzjament immexxija mill-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna li ser issir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Settembru 2015 fis-6.30pm. Din il-quddiesa speċjali, li għaliha huwa mistieden il-pubbliku Malti w Għawdxi, se ssir ukoll f’xandira diretta fuq TVM2.
Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru filgħodu se ssir edizzjoni oħra tal-“Ġirja, Qadfa u Mixja”, attività ta’ ġbir ta’ fondi li hija organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Gudja bil-kollaborazzjoni ta’ RTK 4 Charity u d-Dar tal-Providenza. Il-ġirja titlaq mill-pjazza taż-Żurrieq, ir-roti jitilqu mill-pjazza tal-Imdina waqt li l-mixja tibda mill-pjazza tas-Siġġiewi. Kollha jiltaqgħu fid-Dar tal-Providenza fejn issir quddiesa fil-car park tad-Dar.

L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru imbaghad f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta se jsir il-Premiere tal-Oratorio bl-isem ta’ ‘Canticum Vitae’ (Song of Life). Dan se jkun esegwit mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bis-sehem tas-solisti Francesca Aquilina, Charles Vincenti u Alfred Camilleri u l-Kor Bel Canto. It-testi tal-Oratorio meħuda mill-Bibbja huma xogħol tal-Mons Lawrence Gatt waqt li l-mużika hija ta’ Hermann Farrugia Frantz li wkoll se jidderieġi l-Orkestra.

“Rispett, Dinjità u Drittijiet” hija t-tema magħżula biex jitfakkar il-50 Anniversarju tad-Dar tal-Providenza. Jalla dawn il-valuri jkomplu jkunu ta’ ispirazzjoni għal bosta aktar snin ta’ servizz għal dawk il-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn l-appoġġ u l-inkoraġġiment.