Reġgħet waslet il-Maratona tal-Volleyball tal-BOV b’risq Id-Dar tal-Providenza!

L‑edizzjoni ta’ din is‑sena tal‑Maratona tal‑Volleyball tal‑BOV b’risq id‑Dar  tal‑Providenza, ġiet inawgurata uffiċjalment nhar l‑Erbgħa wara nofsinhar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, u Charles Azzopardi, kap tas‑CSR tal‑Bank of Valletta. Dan sar waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret fl‑Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il‑Kulleġġ Santa Klara, fejn qed isir it‑taħriġ u l‑preparamenti tal‑players li se jieħdu sehem fil‑maratona. Kull sena din il‑Maratona tal‑Volleyball issir biex jinġabru l‑fondi meħtieġa għad‑Dar.

Id‑Dar tal‑Providenza twaqqfet fl‑1965, biex toffri servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità. Illum id‑Dar tilqa’ 115‑il persuna fir‑residenzi li għandha fis‑Siġġiewi, I‑Qawra, ż‑Żurrieq u Birkirkara. Aktar minn 7 miljun ewro huma meħtieġa kull sena għall‑operat tagħha. Sa mill‑bidu tagħha, id‑Dar serħet fuq il‑ġenerożità tal‑komunità u għalhekk il‑Maratona tal‑Volleyball hija xi ħaġa aktar minn attività sportiva.

Fil‑bidu ta’ Ġunju, madwar 70 atleta bdew sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn jinkludu atleti mill‑14‑il sena ’l fuq, uħud minnhom għall‑ewwel darba, flimkien ma’ oħrajn li ħadu sehem f’għexieren ta’ maratoni matul is‑snin! Tim ta’ coaches jassessjaw kull plejer b’sistema ta’ punti. Provi ta’ 12 u 24 siegħa huma parti mill‑pjan ta’ taħriġ flimkien ma’ sessjonijiet ta’ taħriġ  li jsiru taħt xemx tiżreġ.

Il‑prestazzjoni tal‑atleti matul il‑programm ta’ taħriġ tiddetermina min minnhom jagħmel parti mill‑grupp finali ta’ 40, li eventwalment jieħdu sehem fil‑maratona ta’ 53 siegħa volleyball. Ma’ dawn l‑atleti jingħaqdu aktar minn 100 volontier li huma importanti għall-andament tal‑maratona.

L‑edizzjoni ta’ din is‑sena se ssir fid‑Dar tal‑Providenza bejn il‑Ġimgħa 19 u l‑Ħadd 21 ta’ Lulju. Il‑pubbliku huwa mistieden jattendi bi ħġaru biex jappoġġja l‑plejers, jieħu gost bil‑varjetà li jkun hemm imma aktar importanti huwa mħeġġeġ jagħmel id‑donazzjoni tiegħu biex il‑maratona ta’ din is‑sena tkun success!

L‑attività se tingħata bidu mill‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono nhar il‑Ġimgħa 19 ta’ Lulju fis‑6.30pm fil‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi.

Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet, Fr Martin qal li “Il‑Maratona tal‑Volleyball hija waħda mill‑attivitajiet ewlenin għall‑ġbir ta’ fondi b’appoġġ għall‑missjoni tad‑Dar li tipprovdi u ttejjeb varjetà ta’ servizzi essenzjali. Din l‑attività tippromwovi wkoll il‑volontarjat u tisħaq l‑importanza ta’ dan fis‑soċjetà Maltija. Barra minn hekk, il‑maratona tinkoraġġixxi s‑sehem fl‑isports u trawwem stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu. Fl‑aħħarnett, id‑Dar tal‑Providenza tħeġġeġ is‑soċjetà biex tirrispetta dejjem il‑persuni b’diżabilità, tittrattahom bid‑dinjità li tixirqilhom u toffrilhom l‑istess għażliet u opportunitajiet li qegħdin hemm għal kulħadd.”

Minn‑naħa tiegħu s‑Sur Charles Azzopardi qal li “Il‑ħidma tagħna mad‑Dar tal‑Providenza tmur lura s‑snin u din is‑sena, bħala parti mill‑50 anniversarju tal‑Bank aħna kburin li rridu nkomplu nibnu fuq din ir‑relazzjoni. Id‑Dar tal‑Providenza tipprovdi servizz vitali għall‑komunità tagħna u bħala BOV irridu nkomplu nespandu l‑ħidma tagħna biex naraw li ċ‑ċittadini kollha tagħna jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Il‑Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball b’risq id‑Dar tal‑Providenza hija appoġġjata mill‑Bank of Valletta bħala l‑isponsor ewlieni flimkien ma’ Pif Paf, PwC, CareMalta, Eurosport, Viba u PaviPama.

Dawk li jixtiequ jappoġġjaw din l‑attività jistgħu jibagħt

u donazzjoni fuq www.sabihlitaghti.org jew iċemplu fuq wieħed minn dawn in-numri:

€10 – 5160 2011

€15 – 5170 2012

€25 – 5180 2013

€50 – 5190 2070

€100 – 5130 2044

Ritratt: danielstudiomalta.com

This post is also available in: English