“Qalb Dun Mikiel Azzopardi kienet akbar minn ġismu.”
Mons. Frans Abdilla, l‑Assistent Ekleżjastiku tal‑Azzjoni Kattolika Maltija ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza fl‑okkażjoni tat‑37 anninversarju mill‑mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi, il‑fundatur tad‑Dar. F’din il‑quddiesa ikkonċelebra wkoll Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza. Fost il‑mistednin għal din il‑quddiesa, barra r‑residenti u l‑ħaddiema, kien hemm il‑President Ġenerali tal‑Azzjoni Kattolika Maltija, Marija Cachia, kif ukoll membri tad‑Direttorju Ġenerali u membri oħra.
Fl‑omelija tiegħu, Mons. Abdilla ddeskriva qalb Dun Mikiel Azzopardi bħala akbar minn ġismu. Huwa fakkar kif Dun Mikiel l‑ewwel beda jaqsam qalbu mal‑Maltin kollha. Huwa qal li meta kien għadu tifel kien jisimgħu fuq ir‑Redifussion fil‑klassi kull nhar ta’ Ġimgħa jispjega l‑Vanġelu tal‑Ħadd. Jiftakar ukoll lin‑nanna tisma’ l‑programm regulari tiegħu kull nhar ta’ Ħadd, bl‑isem, Is‑Siegħa tal‑Morda. Kien hemm imbagħad il‑ħolma tad‑Dar tal‑Providenza u dak li mexxa din il‑ħolma tiegħu kienet qalbu li kienet akbar minn ġismu, għax qalbu kienet mimlija bl‑imħabba. Mons. Abdilla qal li l‑frott tal‑imħabba tiegħu għadna ngawduh sal‑lum f’din l‑opra qaddisa.
Wara l‑quddiesa Mons. Abdilla bierek il‑qabar ta’ Dun Mikiel li jinsab fil‑bitħa ta’ Villa Papa Giovanni.
Dun Mikiel Azzopardi li għal bosta snin kien Assistent Ekleżjastiku tal‑Azzjoni Kattolika Maltija, waqqaf Id‑Dar tal‑Providenza fl‑1965 biex toffri residenza lil persuni b’diżabilità li għal xi raġuni kellhom bżonn dan is‑servizzz. Huwa miet fid‑Dar tal‑Providenza stess nhar it‑13 ta’ Mejju 1987.
This post is also available in: English