Premiere tal-Oratorju “Canticum Vitae” – (L-Għanja tal-Ħajja) ċelebrazzjoni tal-Inklużjoni fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann
Udjenza sabiħa attendiet għall-Premiere tal-Oratorju “Canticum Vitae” – L-Għanja tal-Ħajja fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann. L-Oratorju, li kien ċelebrazzjoni tal-Inklużjoni, kien esegwit tant tajjeb mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-kompożitur stess Mro. Hermann Farrugia Frantz. Kien hemm ukoll is-sehem tas-sopran Francesca Aquilina, it-tenur Charles Vincenti u l-baritonu Alfred Camilleri bl-akkompanjament tal-Cor Bel Canto.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, Mons Arċisqof Charles J. Scicluna irrefera għat-test ta’ ‘Canticum Vitae’ minsuġ tant tajjeb minn Mons Lawrence Gatt, ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza. L-Arċisqof tenna li fih hemm l-għerf tal-Kelma ta’ Alla li tgħidilna kemm hu sabiħ li aħna nkunu flimkien, li nkunu aħwa flimkien. Id-Dar tal-Providenza hija monument għal dan is-sentiment profond ta’ fraternità inklussiva. Hija glorja tal-Knisja f’Malta. Hija anteċipazzjoni anke tal-enfasi li jagħmel il-Papa Franġisku fil-ġesti kollha tiegħu, fil-kliem tiegħu. L-Arċisqof Scicluna saħaq li l-Knisja f’Malta hija mpenjata li l-Kelma ta’ Kristu tissarraf dejjem f’kelma sħiħa ta’ sbuħija u ta’ karità.
Fil-bidu tas-serata, id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef qal li bl-Oratorju uniku ‘Canticum Vitae’ id-Dar tal-Providenza xtaqet turi l-apprezzament żgħir tagħha lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ kontinwu tiegħu biex id-Dar tkun tista’ tkompli toffru servizzi residenzjali tal-għola kwalità li jduru mal-bżonnijiet tal-persuna b’rispett sħiħ lejn id-dinjità u d-drittijiet tagħha. Fr Martin ħeġġeġ lil dawk preżenti biex waqt li jitpaxxew jisimgħu l-interpretazzjoni mużikali tas-siltiet mill-Bibbja magħżula b’reqqa kbira minn Mons Gatt, ikunu aktar persuni li jinkludu u mhux li jeskludu għax hija ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien – li nkunu llkoll ħaġa waħda bejnietna. Fr Martin temm jgħid: “Ejjew nibdlu l-messaġġ tal-Bibbja dwar l-inklużjoni f’azzjoni.”
Id-dħul kollu minn dan l-Oratorju jmur għad-Dar tal-Providenza biex tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha biex ir-residenti tagħha jtejbu u jużaw l-abbiltajiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli biex jiġi żgurat is-sehem sħiħ tagħhom fis-soċjetà.
Ħajr imur lill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Kompożitur u Direttur Mro Hermann Farrugia Frantz, Mons Lawrence Gatt, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mas-solisti Francesca Aquilina, Charles Vincenti u Alfred Camilleri u l-Cor Bel Canto, l-Għaqda Bibblika Maltija, Dun Nikol Aquilina, il-Kunsill Malti tal-Arti, lis-Sur Francis J. Vassallo, benefattur li xtaq jibqa’ anonimu, lill-PBS, Radju RTK, One u Radio 101, lis-Sur Robert Vassallo ta’ RJ Vidoes, lis-Sur Pierre Portelli, lis-Sur Joe Chetcuti, lis-Sur Ryan Pace, Il-Banda 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ, u mhux l-anqas lis-Sur Tonio Bonello.