Fr Martin Micallef

Omelija ta’ Fr Martin Micallef waqt il-Funeral ta’ Kevin Vella

Kevin Vella – Namrat ta’ Dejjem

F’dan il-mument tat-telfa ta’ Kevin Vella, niftakar li dakinhar tat-tieġ tiegħu ma’ Rita, għaxar snin ilu, kont għidtilhom li Alla qed issejħilhom biex ikunu għal xulxin u għalina sinjal ċar tal-imħabba ta’ Alla. Kemm Kevin u kemm Rita dan il-kliem ħaduh bis-serjetà. Kienu verament mera tal-imħabba ta’ Alla mhux biss għal xulxin imma għalina lkoll.

U llum lil Kevin nirringrazzjawh tal-imħabba tiegħu bla kundizzjonijiet; tal-imħabba li taf tistabar u tħenn; l-imħabba li mhijiex għajjura; li ma tintefaħx biha nnfisha; li ma titkabbarx fuq l-oħrajn; li ma tfittixx dak li hu tagħha; li ma tinkorlax; li ma żżommx f’qalbha għad-deni.

Iva Kevin għamel minn ħajtu innu ta’ mħabba u għalhekk bir-raġun nibkuh għax kien għalina lkoll rigal mill-isbaħ.  ‘Min dan jagħraf kulħadd li intom tiegħi mill-imħabba ta’ bejnietkom,’ qalilna Ġesù. Kemm kont nammira l-imħabba kbira li kellu għal Rita, dejjem tarahom flimkien, namrati ta’ dejjem.  Kevin dejjem hemm għal Rita u Rita dejjem hemm għalih. X’eżempju!  Grazzi Kevin f’isem Rita u f’isimna lkoll.  

Kevin kien ukoll ta’ ispirazzjoni għal ħafna għall-kontribut li ta flimkien ma’ martu Rita biex is-soċjetà Maltija tkun iktar soċjetà inklużiva u ġusta. Kevin bħala persuna b’diżabilità kien jemmen li hija s-soċjetà li toħloq id-diżabilità u għalhekk ma beżax ikun vuċi għas-soċjetà u anke għall-Knisja biex ikellimna dwar dawk l-ostakli li jtellfu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità. 

F’Ġunju li għadda, waqt il-Ġublew tal-Persuni b’Diżabilità fil-Vatikan, persuna b’diżabilità jisimha Serna u li tuża siġġu tar-roti, qalet lill-Papa li hi ma tistax tidħol fil-knisja tagħha għax mhix aċċessibbli u l-Papa qallha bla tlaqliq li hi tkellmet dwar waħda mill-agħar affarijiet li teżisti fostna: id-diskriminazzjoni. Il-Papa kompla jgħid li d-diskriminazzjoni hija ħaġa ħażina ħafna! 

“Inti m’intix bħali, inti mur hemm u jien immur hawn.” 

“Imma jien nixtieq nagħmel katekeżi …” 

“Imma għalik mhux f’din il-parroċċa. Din il-parroċċa hija għal dawk li huma l-istess, m’hemmx differenzi …” 

“Allura din il-parroċċa tajba jew le?” staqsa l-Papa.

Ir-risposta mis-sala kienet: “Leeeeee.” 

“X’għandu jagħmel il-kappillan? … Jikkonverti ruħu?” 

U dan ifakkarni f’Kevin u f’Rita li żmien ilu kienu insistew li l-knisja parrokkjali ta’ Mosta kellha tkun bi dritt aċċessibbli għalihom u għal kull min għandu nuqqas ta’ mobilità.  Grazzi għall-vuċi u l-insistenza tagħhom ir-rampa saret tajba u għall-festa ta’ Kevin li saret f’dak it-tempju seta’ jidħol verament kulħadd.

Il-vuċi ta’ Kevin, flimkien ma’ martu Rita għal soċjetà u Knisja li telimina l-ostakli u toffri opportunijitajiet indaqs, kienet dejjem vuċi persistenti u li ġġib il-bidliet meħtieġa. Dan għaliex Kevin u Rita minkejja d-diżabilità tagħhom riedu jgħixu ħajjithom sal-massimu bħal ħaddieħor, kif inhu dritt tagħhom. Jekk riedu jmorru ċ-cinema kienu jmorru, jekk riedu jsiefru jmorru, jekk riedu jmorru l-ground jaraw logħba jmorru, jekk riedu jmorru I-Isle of MTV kienu jmorru u anke jekk ma setgħux jitilgħu ajruplan, isibu lil Fr Joe Magro biex isuqhom fejn iridu. Darba kelli x-xorti naqsam magħhom mument sabiħ fi Brussell meta Rita kienet intagħżlet biex tkun f’kalendarju fost nisa Ewropej li jispirawk. U kull darba li jsibu l-bibien magħluqa jitkellmu u jiġġieldu bil-prudenza għal dak li hu dritt tagħhom.  U spiss kienu jaslu.  

Li jimpressjonak f’Kevin kien ukoll kemm kien japprezza meta l-bibien tal-opportunitajiet indaqs jarahom jinfetħu anke jekk jaf li hu mhux neċessarjament se jgawdi minn dik il-ħaġa.  Dan l-aħħar pereżempju qaluli li tgħidx kemm kien kuntent li fl-aħħar għamlu l-beach wheelchairs l-Għadira allavolja ma kinetx xi ħaġa li neċessarjament kien se jgawdi minnha dirett hu għax l-istat ta’ saħħtu ma kienx jippermettilu li jmur jgħum.

Imma hekk kien Kevin – jifraħ b’kull inizjattiva favur id-drittjiet tal-persuni b’diżabilità.  Kemm kien sabiħ il-ġest tan-Nazzjon Malti li jagħti lil nies bħal Kevin u Rita l-midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Kemm għandna bżonn aktar persuni b’diżabilità li ma jibżgħux issemgħu leħinhom quddiem kull tip ta’ diskriminazzjoni, konxja jew inkonxja, li jesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum.  Inħoss li Kevin qed jgħid lill-persuni b’diżabilità: “Tħallu lil ħadd jitkellem għalikom. Tkellmu intom għad-drittijiet tagħkom u taslu.” 

Kevin ukoll kellu viżjoni pożittiva tal-mewt, fis-sens li ma riedx funeral imma festa.  Kevin kien ottimist u l-mewt ukoll ried li jaraha bħala passaġġ pożittiv fejn jista’ jkompli jgawdi dak li ħadem għalih tul ħajtu kollha.  Il-messaġġ tal-festa ma jfissirx li ma jkollniex dieqa li tlifna fiżikament ħabib importanti imma il-festa tfisser li qed niċċelebraw is-sabiħ li għex matul ħajtu, is-sens t’altruwiżmu tiegħu, is-sens tal-ġustizzja, kif ukoll is-sens tal-imħabba vera.

Ħafna drabi s-soċjetà tiffoka fuq Kevin fis-siġġu tar-roti, mentri Kevin kien bil-wisq aktar minn hekk… Kevin kien esperjenza ħajja ta’ abilità u mhux diżabilità.  

Filwaqt li nkomplu niċċelebraw din il-festa ta’ ringrazzjament lil Alla għall-imħabba li qasam magħna permezz ta’ Kevin – għal dak kollu li kien ifisser għalina Kevin, nitolbu lil Marija Assunta, li Kevin tant kien iħobb, biex twasslu fi ħdan binha Ġesu fil-festa ta’ dejjem fis-sema.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.