Grupp ġdid ‘Friends Of Providence House’, New South Wales fl-Awstralja

Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar tal-Providenza ħabbar uffiċċjalment it-twaqqif tal-grupp Friends of Providence House, NSW, fl-Awstralja. Dan sar waqt kunċert ta’ talent Malti b’risq id-Dar imtella’ mill-Assoċċjazzjoni Kulturali Maltija fil-Wentworthville Leagues Club. Fi kliem is-Sur Jim Borg, il-koordinatur ta’ dan il-grupp, l-għan tiegħu hu li l-komunità Maltija fl-Awstralja ssir taf aktar dwar il-ħidma siewja tad-Dar tal-Providenza u fl-istess ħin tiġbor fondi biex issostni din il-ħidma. F’diskors qasir, Fr Martin irringrazzja lill-membri ta’ dan il-grupp għal din l-inizzjattiva sabiħa u ddeskrivhom bħala “l-ambaxxaturi tad-Dar” fl-Awstralja. Huwa sostna li “inizjattivi bħal dawn ikomplu jimlewna bil-kuraġġ biex inkomplu l-ħidma li beda Dun Mikiel Azzopardi u nsostnuha”.

 

Fil-kunċert ħadu sehem żgħażagħ ta’ dixxendenza Maltija li kantaw kemm kompożizzjonijiet tagħhom kif ukoll kanzunetti popolari Maltin. Fost dawn kien hemm Stacey Saliba, James Cassar, Emanuel Frigierri, Martin and Natasha, Fiona Porch, Alee, Cassie u Ben kif ukoll il-ballerina ċkejkna Isabella. Waqt il-kunċert ittellgħet ukoll reċita umoristika mill-grupp teatrali “Ċittadini”. Preżenti għal dan il-kunċert kien hemm ftit aktar minn erba’ mitt ruh. Fi tmiem il-kunċert, l-Assoċċjazzjoni Kulturali Maltija ta’ NSW, il-Grupp Teajatrali “Ċittadini” u diversi persuni oħra ippreżentaw id-donazzjoni tagħhom lid-Dar. Il-grupp Friends of Providence House se jibqa’ jiġbor fondi għad-Dar permezz ta’ diversi attivitajiet oħra matul is-snin li ġejjin u s-sena d-dieħla se jkun qed jorganizza ġita mill-Awstralja għall-Gżejjer Griegi u l-Ingliterra u fl-aħħar nett Malta li l-qliegħ minnha se jmorru kollha għad-Dar.

Minn barra Sydney, Fr Martin żar ukoll lill-komunità Maltija f’Adelaide fejn attenda wkoll għal attività oħra b’risq id-Dar tal-Providenza. Din id-darba organizata mill-Maltese Chaplaincy Festivities Group SA f’Lockles li għaliha attendew numru sabiħ ta’ Maltin u Għawdxin. Hu ltaqa’ wkoll mal-membri tal-Mużew, ma’ Patri Gabriel Micallef OFM, ma’ Fr Charles Gauci kif ukoll mas-Sorijiet Franġiskani Maltin.

Fr Martin ma naqasx li jżur ukoll il-komunità Maltija f’Melbourne fejn attenda għal żewġ attivitajiet b’risq id-Dar organizzati mill-Klabb Għannejja Maltin kif ukoll mis-St Bernardette Senior & Social Club flimkien mas-St Albans Maltese Pensions Club. Fr Martin qaddes ukoll lill-Maltin fil-Knisja ta’ San Pawl kif ukoll fil-Klabb tal-Maltin ta’ Hobsons Bay. F’Melbourne iltaqa’ wkoll ma’ diversi saċerdoti Maltin fosthom il-membri tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl u Fr Frans Buhagiar, is-sorijiet Agostinjani Maltin, kif ukoll diversi familji Maltin.

Waqt iż-żjara tiegħu fl-Awstralja Fr Martin kien intervistat minn diversi stazzjonijiet tar-Radju u tat-televiżjoni li jxandru aħbarijiet ta’ interess għall-komunita’ Maltija fl-Awstralja dwar il-ħidma tad-Dar tal-Providenza.

F’kumment li ta Fr Martin mal-wasla tiegħu f’Malta qal li ħassu kommoss ħafna li seta jara b’għajnejh li l-ġenerożita’ tal-Maltin u l-Għawdxin ma ssibix biss f’Malta imma wkoll lil hinn minn xtutna bħal fl-Awstralja fejn il-Maltin u l-Għawdxin ma nsewx il-valuri sbieħ li jikkaratterizzaw lill-pajjiżna. Hu rringrazzja lill-Grupp Friends of Providence House, lis-Sur George Vella, Direttur Manigerjali ta’ Breakaway Travel li sponsorja ż-żjara tiegħu fl-Awstralja u lil dawk kollha li taw id-donazzjonijiet tagħhom b’risq id-Dar u li għenu biex din iż-żjara tkun suċċess.