“Mużika tat-Triq” fid-Dar tal-Providenza
L-Ability Promoters tad-Dar tal-Providenza huwa grupp ta’ ħaddiema li l-ħidma ewlenija tagħhom hi li jagħmlu minn kollox għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti permezz ta’ ħidma integrata, għażliet tajbin ta’ saħħa u responsabbiltà xierqa. Ta’ kuljum jorganizzaw attivitajiet għar-residenti inkluż sports, workshops fl-arti u l-mużika, edukazzjoni, teknoloġija u attivitajiet oħra ta’ divertiment.
Minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti, din is-sena l-grupp kellu jifli sew l-iskeda tal-attivitajiet tagħhom minħabba li ċerti avvenimenti ppjanati, speċjalment dawk barra mid-Dar, kellhom jiġu mħassra minħabba l-possibiltà ta’ riskju għas-saħħa tar-residenti. Bħalissa r-residenti la jistgħu jattendu Day Centres u lanqas jistgħu joħorġu barra u minflok tfasslu idejat ġodda għall-attivitajiet għalihom.
Waħda minn dawn l-attivitajiet hija l-“Mużika tat-Triq” li qed tiġi organizzata darbtejn fil-ġimgħa. It-tim ta’ mużikanti jferrħu lir-residenti mill-btieħi differenti qrib tar-residenti, waqt li jżommu d-distanza mitluba minn xulxin. Il-bqija tar-residenti joħorġu fil-gallariji fuq il-btieħi u jieħdu gost bil-varjetà. Ir-residenti, speċjalment dawk li tassew iħobbu l-mużika, tassew jiddevertu.
Hekk kif spiċċa wieħed mill-kunċerti, waħda mir-residenti qalet: “Naf ħafna mill-kanzunetti li qed ikantaw u nieħu tassew gost inkanta magħhom. Dendilt ukoll il-bandiera Maltija mal-gallarija tagħna.”
This post is also available in: English