Monsinjur Lawrence Gatt – 60 sena saċerdozju.
L-Erbgħa, 7 ta’ April 2022 Mons. Lawrence Gatt jiċċelebra 60 sena ta’ saċerdozju. Huwa kien ordnat saċerdot fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mons. Mikiel Gonzi fis-7 ta’ April 1962.
Mons Gatt twieled ir-Raħal Ġdid fis-7 ta’ Frar 1937 minn Joseph Gatt u Olga neè Scicluna. Wara l-iskola primarja, studja l-Liceo u fl-1954 daħal is-Seminarju tal-Arċisqof biex jibda l-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. Il-formazzjoni akkademika tiegħu ħadha fl-Università ta’ Malta. Fil-bidu tal-ministeru pastorali tiegħu huwa kien Viċi-Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof.
Fl-1977 inħatar Rettur tas-Seminarju, kariġa li dam jokkupa sal-aħħar ta’ Ġunju 1987 meta Mons Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħatru bħala Direttur tad-Dar tal-Providenza wara l-mewt tal-mibki Mons Mikiel Azzopardi. Huwa beda uffiċċjalment fl-1 ta’ Lulju 1987 u baqa’ f’din il-kariga sal-aħħar ta’ Settembru 2008 meta l-Arċisqof Mons. Pawl Cremona OP ħatru bħala Kanċillier tal-Kurja tal-Arċisqof.
Kemm dam Direttur tad-Dar tal-Providenza ġiet inawgurata Villa Papa Luciani, Dar Żerniq fetħet il-bibien tagħha fil-komunità tas-Siġġiewi u Villa Monsinjur Gonzi reġgħet inbniet mill-ġdid. Kien fi żmienu wkoll li, minbarra titjib fl-appoġġ lejn ir-residenti u s-servizzi ta’ respite, ir-residenti b’diżabilità intellettwali ingħataw l-opportunità li jkomplu jikbru fil-fidi permezz ta’ katekeżi simbolika bl-għajnuna tas-sħubija tad-Dar mal-Aġenzija SPRED (SPecial REligious Development) li hija bbażata fi Glasgow l-Iskozja.
Fl-2010 huwa ingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala apprezzament għall-ħidma tiegħu bħala Direttur tad-Dar tal-Providenza waqt li fil-5 ta’ Marzu 2017, Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ippreżentah bl-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi.
Ad Multos Annos.
This post is also available in: English