Mons. Philip Calleja jingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2018

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi għas-sena 2018 ingħata lil Mons. Philip Calleja bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn id-Dar tas-Siġġiewi. Kien Monsinjur Calleja li wara l-mewt ta’ Dun Mikiel f’Mejju ta’ l-1987, ingħata l-inkarigu minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca biex jorganizza l-funeral kif ukoll biex jieħu ħsieb it-tmexxija tad-Dar, sakemm ġie nominat Mons. Lawrence Gatt bħala d-Direttur il-ġdid.
Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Katidral tal-Imdina, mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna.
Mons. Calleja ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu, 1953. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet l-iżjed mat-tfal tal-Belt. Fl-1956, l-Arċisqof Mikiel Gonzi ħatru Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, tal-Kurja tal-Arċisqof. Kienet ħatra litteralment providenzjali għad-Dar tal-Providenza.

Dak iż-żmien, f’Malta, numru sew ta’ tfajliet Maltin kienu jiżżewġu ma’ rġiel tas-Servizzi Ingliżi. Dun Philip kien jaf il-Kappillani tas-Servizzi kollha u meta s-Servizzi ġew biex iħallu l-Barracks tagħhom fis-Siġġiewi, wieħed mill-kappillani tagħhom għarrfu b’dan. Qallu li r-rest camp tal-Ammiraljat ta’ mat-triq li tieħu għal Għar Lapsi kien se jiġi trasferit fil-Mellieħa. Qallu wkoll li jekk il-Knisja f’Malta kellha bżonn dik l-art, kellha tapplika għaliha malajr. Bl-inizjattiva ta’ Dun Philip, bdiet minnufih ħidma biex il-post jinkiseb mill-AKM u għall-ewwel sentejn, il-lokal intuża bħala kampijiet tas-sajf għat-tfal. Fil-frattemp, bdiet iddur ir-rota biex Dun Mikiel Azzopardi jibda, fil-post, id-Dar tal-Providenza.

Illum, ta’ 90 sena, Mons Philip Calleja huwa Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan u għadu jattendi regolarment f’Dar l-Emigrant biex jaqdi, b’kull mod li jista’, lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna tiegħu.

Aktar kmieni, Fr Martin feraħ lill-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca f’għeluq sninha. Huwa kompla jgħid li hija xi ħaġa sabiħa li f’dawn il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena barra li nixtru ħafna rigali għal xulxin indaħħlu idejna fil-but u naħsbu f’dawk li fis-soċjetà tagħna għandhom bżonn xi tip ta’ appoġġ biex jgħixu bħala ċittadini sħaħ u tal-ewwel klassi. Fr Martin żied hgħid: “Il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi hija karatteristika sabiħa li tiddistingwina, iżda nappella li ma ngħinux għax nitħassru lil dawn il-persuni imma għax verament nixtiequhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja li tirrispetta d-dinjità tagħhom kif jixraq lil kull persuna. Għalhekk nappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ngħinu kif nisgħtu lid-Dar tal-Providenza, lill-Malta Community Chest Fund u organizazzjonijiet oħra li jaħdmu fil-qasam soċjali biex verament ikollna soċjetà ġusta.”
Id-diskors ewlieni sar minn Alishia Xuereb Jones, ġenitur ta’ persuna bl-awtiżmu, li qasmet mal-udjenza preżenti ftit ħsibijiet biex f’pajjiżna ikun hawn aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu u kif nistgħu nagħtu lil dawn il-persuni l-appoġġ li għandhom bżonn biex id-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati. Aktar għarfien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita jgħin biex in-nies iwarrbu l-preġudizzji u l-ostakli li ma jiggarantux l-integrazzjoni vera u l-ugwaljanza ta’ dawn il-persuni.
F’diskors qasir, L-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea Curmi feraħ lill-Mons. Philip Calleja li ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi u fl-istess waqt faħħar il-ħidma sfieqa tiegħu matul snin twal li mhux biss tissombolizza l-karattru tiegħu imma wkoll l-impenn tal-Knisja Maltija biex tgħin il-batut u l-emarġinat fis-soċjetà tagħna. Huwa kellu wkoll kliem ta’ tifħir għad-Dar tal-Providenza għall-ħidma siewja li tagħmel mal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna. Żgur li d-Dar baqgħet taqdi d-dmir li għaddielha l-fundatur tagħha Dun Mikiel.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Capt. Jonathan Borg. Il-programm mużikali kien jinkludi xogħlijiet ta’ Tobani, Tschaikovsky, Mozart, Arnold & Brown, Bach, Rossi, Hahn, Franck u Jenkins. Il-Banda tal-FAM kienet akkumpanjata mill-Coro Bel Canto.

Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni jew organiżżazzjonijiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex. Dan il-Premju tnieda għall-ewwel darba fl-1995, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza.
Il-Kunċert kien organizzat bil-korteżija tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.

This post is also available in: English