Mons. Arċisqof Joseph Spiteri, Nunzju Appostoliku għall-Kosta tal-Avorju iżur id-Dar tal-Providenza
L-E.T. Mons. Arċisqof Joseph Spiteri, Nunzju Appostoliku għall-Kosta tal-Avorju għamel żjara lid-Dar tal-Providenza fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ għadd ta’ residenti, ħaddiema u l-management tad-Dar. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma li twettaq id-Dar mal-persuni b’diżabilità.
L-Arċisqof Mons. Joseph Spiteri li huwa minn Ħal Luqa, twieled fl-20 ta’ Mejju 1959 u huwa l-ewwel wild ta’ Ernest Spiteri u Emmanuela neè Cassar.
Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa kif ukoll fis-Seminarju Minuri fl-1976. Daħal fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċidjocesi ta’ Malta biex jistudja għas-saċerdozju. Huwa ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju tas-sena 1984 minn Mons Giuseppi Mercieca, Arċisqof Metropolita ta’ Malta.
Wara li serva għal ftit xhur fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, Fr. Joseph Spiteri intbagħat ikompli l-istudji tiegħu fl- Accademia Ecclesiastica Pontificia f’Ruma li huwa kulleġġ fejn jingħataw taħriġ id-diplomatiċi tal-Vatikan. Wara erba’ snin studju huwa ħa d-Dottorat fid-Dritt Kanoniku mill-Università Pontificia ta’ San Tumas t’Aquino magħrufa bħala l-Angelicum.
Bħala l-ewwel ‘posting’ tiegħu fid-Diplomazija Vatikana, huwa ntbagħat fil-Panama fejn kien hemm bħala Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Mons Jose Sebastian Laboa li wara kien maħtur bħala Nunzju Appostoliku għal Malta.
Mons. Joseph Spiteri wara intbagħat iservi fl-Iraq, fil-Ġordan, fil-Messiku, fil-Portugal u fil-Grecja. Fis-sena 2004 reġa’ lura lejn l-Amerika Latina fil-Venezuela, sakemm f’dawn l-aħħar xhur kien qed jagħti s-servizzi tiegħu fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan. Huwa ġie maħtur Nunzju Appostoliku għar-Repubblika ta’ Sri Lanka mill-Q.T. il-Papa Benedettu XVI, li ħatru wkoll bħala Arċisqof ta’ Serta. Fl-ewwel ta’ Ottubru 2013, il-Papa ħatru Nunzju Appostoliku għall-Kosta tal-Avorju.