Stephen Barbara

Miġbura somma rekord ta’ €1,040,855 waqt il-Festa ta’ Ġenerożità

Is-somma rekord ta’ €1,040,855 inġabret waqt l-għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom u jkunu parti mid-divertiment li kien għaddej taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li jalla l-persuni b’diżabilità jsibu l-post li jixirqilhom fis-soċjetà tagħna u jingħataw l-istess attenzjoni li toffri d-Dar tal-Providenza. Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar; il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat; il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil; is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana; l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona OP u l-Vigarju Ġenerali Mons Joe Galea Curmi. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti.

Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €31,251 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn disgħin artist. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. PBS, ONE TV, NET TV u FLiving Channel ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, żeffiena u entertainers oħra.