Marcel Pisani – Kolonna fil-qasam tal-persuni b’diżabilità
Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja tas-Sur Marcel Pisani attivist kbir fil-qasam tal-persuni b’diżabilità li l-Mulej sejjaħlu għal għandu nhar is-Sibt 12 ta’ Frar 2017. Il-ħidma tiegħu fi ħdan l-Għaqda Nazzjonali Ġenituri b’Diżabilità li mexxa għal bosta snin u l-Aġenzija Sapport li tagħha kien l-ewwel CEO issarfet f’titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ bosta persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom.
Quddiem l-ostakli tas-soċjetà għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja tas-soċjetà li bħala ġenitur ta’ żewġt ulied b’diżabilità beda jesperjenza, ma baqax passiv imma beda moviment ta’ ġenituri li bdew jitkellmu f’isem uliedhom mal-awtoritajiet biex jingħataw dak li kien tagħhom bi dritt.
It-triq ma kienetx faċli, imma d-determinazzjoni ta’ Marcel, martu Adelina u ġenituri oħra bdew iġibu l-bidla li kien hemm bżonn kemm fil-mentalità tan-nies li kienet tħares b’mod negattiv lejn il-persuni b’diżabilità, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi li kienu nieqsa għal kollox.
Fi ħdan l-Għaqda Nazzjonali Ġenituri tal-Persuni b’Diżabilità ħadem biex titwaqqaf Dar il-Kaptan biex toffri s-servizz ta’ respite li il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità tant kellhom bżonnu. Fi ħdan l-Aġenzija Sapport li tista’ tgħid bniha hu, ħoloq firxa ta’ servizzi fosthom il-ftuħ ta’ bosta djar residenzjali fil-komunità u servizzi oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.
Fl-2013, bħala rikonoxximent għal din il-ħidma, id-Dar tal-Providenza tat lilu u lil martu Adelina l-Premju Dun Mikiel Azzopardi.
Id-Dar tal-Providenza twassal il-kondoljanzi lil martu Adelina u lill-uliedu Paul u Matthew.
This post is also available in: English