Maratona tal-Volleyball

Kull sena, Id-Dar tal-Providenza torganizza l-BOV Volleyball Marathon. L-ewwel edizzjoni kienet fl-2009. Din hi maratona ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu li ssir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju.

L-għan tal-maratona hu li jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tkompli tgħin fl-iżvilupp sħiħ u l-inklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità li jużaw is-servizzi tagħha.

Għanijiet oħra huma li tinkoraġġixxi l-ħidma volontarja, l-isports u r-rispett lejn il-persuni b’diżabilità li għandhom jingħataw l-għażliet u l-opportunitajiet kollha li kull ċittadin għandu dritt igawdi.

Il-maratona ssir fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u tixxandar għal partijiet twal fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni.

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem bħala players jew volontiera fil-maratona għandhom iniżżlu minn fuq l-internet l-applikazzjoni relevanti jew jidħlu fuq www.facebook.com/Volley4DTP . Normalment, l-applikazzjonijiet joħorġu bejn April u Mejju ta’ kull sena.