L-Istorja tad-Dar

Monsinjur Mikiel Azzopardi kien l-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija li għal xi żmien kellu ħolma li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom.

Fit-12 ta’ Settembru 1965 hu xandar din l-idea waqt programm tar-radju – dik li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità. Mara żagħżugħa li semgħet il-programm tant ħassitha mqanqla b’din l-idea li wara l-programm marret tistennieh ħdejn id-dar tiegħu fil-Furjana u tagħtu ċekk ta’ mitt lira (madwar €230) – flus li hi kienet ġemgħet biex tmur btala barra minn Malta.

F”Diċembru ta’ dik is-sena beda l-bini tal-ewwel dar fil-post li qabel kien il-Qrendi Royal Navy Rest Camp u li kien għadda b’ċens għand l-Azzjoni Kattolika Maltija.  Il-bini li ingħata l-isem ta’ Villa Mons. Gonzi kien lest fl-1968.

Sorijiet mill-kongregazzjoni ta’ Santa Giovanna Antide Thouret bdew joqogħdu hemmhekk mit-12 ta’ Jannar 1968. Huma kienu l-ewwel support workers tad-Dar tal-Providenza mgħejuna minn volontiera u aktar ‘il quddiem minn ħaddiema mħallsa. Is-sorijiet taw servizz kontinwu minn dakinhar sal-2020.

Mill-bidu nett tat-twaqqif tad-Dar, waħda mill-ewwel klawsoli tar-regoli miktuba minn Mons. Mikiel Azzopardi fis-16 ta’ Diċembru 1968 kienet l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, regola li baqgħet il-ġebla tax-xewka tad-Dar.

L-ewwel tliet residenti bdew jgħixu f’Villa Mons. Gonzi fil-11 ta’ Frar 1968. Fl-1999, din il-Villa eventwalment twaqqgħet biex reġgħet inbniet u ġiet inawgurata mill-ġdid fis-17 ta’ Lulju 2001.

L-1971 rat il-bidu tal-bini tat-tieni dar iddisinjata biex tospita ħamsin resident u li ġiet imsemmija Villa Papa Giovanni. Din kienet inawgurata fid-19 ta’ Marzu 1974.

Monsinjur Mikiel Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Waqt l-omelija tal-funeral tal-fundatur maħbub tad-Dar tal-Providenza, li sar fil-Konkatidral ta’ San Gwann fl-14 ta’ Marzu 1987, Mons. Ġużeppi Mercieca, l-Arċisqof ta’ Malta qal: “… Mur moħħok mistrieħ… Kun żgur Dun Mikiel li l-inizjattivi kollha mibdija minnek se jkomplu.” Huwa ndifen fil-bitħa tad-Dar tal-Providenza kif kienet ix-xewqa tiegħu. Wara mewtu, Mons. Philip Calleja temporanjament ħa t-tmexxija tad-Dar, sakemm fl-1 ta’ Lulju 1987 Mons. Lawrence Gatt intgħażel mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca biex ikun it-tieni Direttur tad-Dar.

Fit-8 ta’ Settembru 1987 kienet inawgurata Villa Papa Luciani.

Fil-11 ta’ Frar 1997 ħames residenti bdew joqogħdu f”Żerniq’, dar żgħira fil-komunità tas-Siġġiewi propju fi  Triq Mons. Mikiel Azzopardi.

Id-Dar tal-Providenza bdiet toffri wkoll faċilitajiet ta’ respite lill-persuni b’diżabilità li jgħixu mal-familji tagħhom.

Fl-1998, Id-Dar tal-Providenza affiljat ruħha ma’ aġenzija barranija minn Glasgow, l-Iskozja magħrufa bħala SPRED, Special Religious Development jiġifieri Żvilupp Speċjali Reliġjuż. Din hi xibka ta’ servizzi ddisinjati biex jassistu persuni li għandhom diżabilità intellettwali jkunu integrati fl-assemblei parrokkjali ta’ qima fil-proċess edukattiv fil-fidi.

Fl-1 ta’ Ottubru 2008 Dun Martin Micallef inħatar Direttur tad-Dar tal-Providenza wara Mons. Lawrence Gatt, li nħatar Kanċellier tal-Kurja Arċiveskovili.

This post is also available in: English