Stephen Barbara

L-Isqof Emeritu, Mons Paul Darmanin iżur id-Dar tal-Providenza

“Kif tidħol fid-Dar tal-Providenza tħoss atmosfera differenti.  Tħoss li hawn verament attenzjoni, verament għaqal u verament imħabba.  Hawnhekk l-imħabba tinqasam bejn xulxin verament bħala familja.”  Hekk esprima ruħu l-E.T. Mons Paul Darmanin OFM.Cap, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa fil-Kenya, meta nhar l-Erbgħa 6 ta’ Lulju għamel żjara lid-Dar tal-Providenza.  Huwa kien milqugħ minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar u grupp ta’ residenti. 

Huwa beda ż-żjara tiegħu b’quddiesa fil-kappella tad-Dar fejn f’diskors qasir qasam il-ferħ tiegħu li kien qed iżur din id-Dar għall-ewwel darba fejn setgħa jaqsam ftit il-ħajja ma’ dawk kollha li jgħixu u jaħdmu f’din id-Dar.   Huwa saħaq li x-xogħol li jsir fid-Dar mhux xogħol għal xi ħadd partikolari biss għax fiha kulħadd jgħix il-ħajja ta’ familja. 

Wara l-quddiesa l-Isqof Darmanin ltaqa’ mar-residenti tad-Dar u talab fuq il-qabar ta’ Dun Mikiel Azzopardi.  Huwa ra wkoll ix-xogħol li qed isir fuq il-pixxina terapewtika li tibda tintuża’ aktar tard din is-sena, żar il-kmamar multisensorjali kif ukoll għadda ftit ħin mar-residenti li jaħdmu fic-Ċentru Agrikolu San Isidor.