L-impjegati tal-BOV u l-parteċipanti fil-maratona tal-Volleyball f’logħba ta’ ħbiberija kontra xulxin
Ftit ġranet biss ’il bogħod mit-tisfira li se tagħti bidu għall-Maratona tal-Volleyball ta’ 53 siegħa għall-avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza, grupp ta’ impjegati tal-BOV ħadu sehem f’logħba ta’ ħbiberija kontra wħud mill-plejers li se jieħdu sehem fil-maratona. Il-logħba saret fil-parkeġġ tad-Dar innifisha.
Kif spjega Emanuel Zammit, iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona, it-taħriġ għall-maratona issa jinsab għaddej fl-aqwa tiegħu b’40 plejer minn total ta’ madwar 200 voluntier jaslu fil-fażi finali, wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ġie organizzat il-boot camp finali ta’ 24 siegħa. Dawn il-plejers ilhom jitħarrġu sa mill-aħħar ta’ Mejju, filwaqt li jsibu bilanċ bejn ir-reġim tat-taħriġ iebes, u l-impenji personali u tax-xogħol tagħhom.
Meta tkellmet qabel l-avveniment, Elvia George li hija kemm iċ-Chief Finance Officer tal-Bank kif ukoll membru fuq il-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità qalet li, “Il-Fondazzjoni għal darb’oħra qed tagħti l-appoġġ tagħha lil din il-maratona ta’ solidarjetà. Huwa inkoraġġanti għalina li naraw lin-nies tagħna jieħdu sehem b’ħeġġa f’dan l-avveniment, li jgħin biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-attivitajiet li hemm imħejjija għal dan it-tmiem il-ġimgħa fid-Dar.”
Filwaqt li rringrazzja lill-impjegati tal-BOV li ħadu sehem, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza esprima l-gratitudni tiegħu għal din il-wirja ta’ solidarjetà li sena wara l-oħra żżomm lid-Dar għaddejja, filwaqt li tippermetti lir-residenti jgħixu l-ħajja ta’ dinjità u inklużjoni li jixirqilhom.”
Il-Maratona tal-Volleyball se tiġi inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.00 mill-E.T. Marie-Louise Coleiro-Preca, President ta’ Malta.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ € 15, 51802013 għal donazzjoni ta’ € 25 u 51902070 għal donazzjoni ta’ € 50. Tista’ ssir donazzjoni ta’ € 6.99 billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834.
This post is also available in: English