L-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL) f’pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. mexxa l-pellegrinagg għal Lourdes li sar bejn it-30 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru 2018. Grupp ta’ mija u tnejn u disgħin pellegrini Maltin ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ organizzat kull sena mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL).

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul fost oħrajn minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, carers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ carers miegħu skont l-esiġenzi tal-kaz. Kien hemm ukoll tobba u nfermiera mir-Renal Unit fl-Isptar ta’ Mater Dei li raw li pazjenti setgħu ikollhom trattament tad-Dialysis kemm damu f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux fejn Mons Cremona ta l-barka fit-tmiem tagħha, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Huma kellhom ukoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

Dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Assoċjazzjoni għall-pellegrinaġġ tas-sena ddieħla f’Lourdes, jistgħu jidħlu fil-Facebook page tal-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes – AVL.

Dan il-pellegrinaġġ kien suċċess bil-pariri siewja u appoġġ finanzjarju tal-Air Malta u tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

This post is also available in: English