L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovrana ta’ Malta tisponsorja żewġ vannijiet b’aċċessibilità sħiħa għar-residenti tad-Dar tal-Providenza
L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovrana ta’ Malta u l-Global Fund for Forgotten People–Order of Maltasponsorjaw żewġ vetturi minn seba’ li Id-Dar tal-Providenza investiet fihom din is-sena għal aktar aċċessibilità mir-residenti tad-Dar. Dawn il-vetturi jakkomodaw sa sittax-il persuna u sitt siġġijiet bir-roti. Il-President tal-Assoċċjazzjoni Maltija, il-Marchesino Daniel de Petri Testaferrata ippreżenta l-vannijiet lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li jħossuhom kburin bl-assoċċjazzjoni li teżisti bejnhom u Id-Dar tal-Providenza u daqstant kburin li qed jgħinu b’xi mod biex ikomplu jtejjbu l-aċċessibilità tar-residenti kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fr Martin saħaq li t-trasport aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità joffrilhom opportunitajiet indaqs għal inklużjoni soċjali u għażliet ta’ impjiegi. Huwa żied jgħid li l-viżjoni komuni fid-Dar tal-Providenza hi li tara li kull resident ikun involut f’attivitajiet fil-komunità. Dan is-sehem u impenn jista’ jintlaħaq billi jkun hemm trasport li jkun aċċessibbli għalihom. B’hekk ir-residenti jistgħu jieħdu sehem regolari f’aspetti differenti ta’ ħajjithom bħala ċittadini ugwali fis-soċjetà. Għal dan il-għan Id-Dar tħaddem tlettax-il persuna biex jgħinu fit-trasport tagħhom. Id-Dar tibbenefika wkoll mis-servizz b’xejn ta’ trasport ipprovdut mill-Aġenzija Sapport biex ir-residenti jmorru Ċentri ta’ taħriġ.
Fr Martin radd ħajr lill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovrana ta’ Malta li sponsorjat ix-xiri taż-żewġ vetturi kif ukoll l-ispejjez għall-użu tagħhom fis-snin li ġejjin. L-Assoċċjazzjoni Maltija minn dejjem tat appoġġ kbir lid-Dar tal-Providenza kemm fil-provvediment ta’ mezzi ta’ trasport aċċessibbli kif ukoll fl-għajnuna li tagħti kull sena biex residenti tad-Dar ikunu jistgħu imorru fil-pellegrinaġġ għal Lourdes.
Mons Lawrence Gatt, Kappillan ewlieni tal-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovrana ta’ Malta u ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza bierek iż-żewġ vannijiet.