L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiltaqa’ mal-persuni nieqsa mis-smigħ.
F’laqgħa mal-persuni nieqsa mis-smigħ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna kellu l-opportunità jisma’ d-diffikultajiet, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom biex iħossuhom aktar inklużi u parteċipi fil-ħajja tal-Knisja bħala membri sħaħ tagħha.
Steven Mulvaney, President tal-Għaqda Maltija tal-Persuni Nieqsa mis-Smigħ qal li f’Malta hawn madwar 250 persuna li jużaw il-Lingwa tas-Sinjali Maltija u li huma membri tal-Għaqda. Imbagħad hemm livelli oħra ta’ nuqqas ta’ smigħ bħal dawk li jiżviluppaw nuqqas ta’ smigħ bix-xjuħija. B’kollox hu kkalkulat li hawn madwar 1,000 persuna nieqsa mis-smigħ f’pajjiżna.
Is-Sur Mulvaney irringrazzja lill-Arċisqof li laqgħa l-istedina tal-Għaqda biex jiltaqa’ magħhom kif ukoll tal-appoġġ li l-Knisja f’Malta qed tagħti biex il-persuni nieqsa mis-smigħ ikunu nklużi fil-Knisja. Ħuwa semma l-quddiesa li ssir kull nhar tas-Sibt fil-kappella tal-Università ta’ Malta fejn il-Knisja tħallas is-serviżż tal-interpreti biex jifhmu x’ikun qed jintqal u jipparteċipaw b’mod attiv.
Fost ix-xewqat tal-persuni nieqsa mis-smigħ semma l-bżonn li jkun hemm aktar quddies aċċessibbli għalihom, il-bżonn li jkun hemm screens fil-knejjes li juru l-qari tal-quddies jew karti bil-qari biex għallinqas ikunu jistgħu jaqraw dak li jkun qed jingħad. Faħħar ukoll il-fatt li l-Knisja dalwaqt se tibda proġett biex ikunu irrekordjati il-qari tal-quddiesa bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Hija x-xewqa tiegħu li ‘l quddiem dawn il-videos ikun aċċessibbli fuq Application li wieħed jista’ jaċċessa permezz tal-internet waqt il-quddies minn fuq il-mobile. Semma wkoll il-bżonn li s-seminaristi jkunu aktar konxji tal-kultura u l-bżonnijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ u li jkollhom l-opportunità li waqt l-istudji tagħhom fl-Università jagħmlu l-kors bażiku tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Is-Sur Mulvaney semma wkoll il-bżonn li jiġi offrut is-servizz tal-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali waqt il-laqgħat tal-katekiżmu, fil-preparamenti għas-sagramenti bħall-Ewwel Tqarbina, il-Griżma tal-Isqof, Magħmudija u ż-Żwieġ biex kulħadd ikun jista’ jirċievi l-formazzjoni bħal ħaddieħor.
Tkellmu wkoll diversi persuni nieqsa mis-smigħ. Keith Callus tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm ukoll quddiesa interpretata bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija il-Ħadd filgħodu barra dik tas-Sibt filgħaxija. Natalino Psaila żied li hi x-xewqa tiegħu li l-quddies li jkun mxandar fuq l-istazzjon nazzjonali jkun interpretat bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Omm ta’ tifla nieqsa mis-smigħ qalet li l-ewwel problema li ltaqgħet magħha kienet meta bintha bdiet tmur il-Mużew. L-ewwel reazzjoni tal-katekista kienet li m’għandhiex għalfejn tmur għall-katekiżmu għax il-kappillan xorta jgħamlilha l-ewwel tqarbina. Hi insistiet li bintha kellha dritt bħal ħaddieħor li tattendi għal-laqgħat tal-katekiżmu u bil-għajnuna tagħha u tal-interpretu bintha setgħet tersaq għall-ewwel tqarbina ippreparata bħal ħaddieħor. Hija saħqet li l-katekisti għandu jkollhom laqgħat ta’ għarfien dwar il-bżonnijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ u mhux jassumu li dawn il-persuni qed jifhmuhom.
Fil-kummenti tiegħu waqt din il-laqgħa l-Arċisqof Charles J. Scicluna talab lill-Għaqda biex isir kuntatt mas-Seminarju ħalli s-seminaristi jkollhom aktar għarfien tal-realtà tal-persuni nieqsa mis-smigħ u biex iħajru seminaristi jitgħallmu l-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Huwa semma l-importanza li l-Knisja toffri is-servizz tal-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali għall-katekiżmu u okkażjonijiet speċjali oħra. L-Arċisqof wera x-xewqa wkoll li l-Knisja tkompli tiżviluppa servizzi biex il-persuni b’nuqqas ta’ smigħ, imorru f’liema knisja jmorru għall-quddies, iħossuhom inklużi. Semma wkoll kemm hu mportanti li l-parroċċi jkunu jafu min huma l-persuni nieqsa mis-smigħ li jgħixu fil-komunità biex jistgħu iwieġbu aħjar għall-bżonnijiet tagħhom. Pereżempju għat-tberik tal-familji, il-kappillan jista’ jirranġa biex isib ġurnata meta jieħu miegħu interpretu u jdur lill-familji ta’ dawn il-persuni. Dwar il-qrar fakkar li l-liġi tal-Knisja tippermetti li l-persuni nieqsa mis-smigħ, jekk ma jsibux qassis li jaf il-Lingwa tas-Sinjali, jistgħu jużaw is-servizz tal-interpretu u l-interpretu bħal qassis hu marbut bis-sigriet tal-qrar. L-Arċisqof qal li ser jitkellem dwar il-ħtiġijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ fil-laqgħa li jmiss tal-Kulleġġ tal-Kappillani. Monsinjur Arċisqof esprima s-sodisfazzjon tiegħu li diversi urew ix-xewqa li bħala grupp imorru għall-pellegrinaġġ Marjan f’Lourdes. Għalhekk ħeġġiġhom biex jorganizzaw dan il-pellegrinaġġ fejn ikollhom is-servizz tal-interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
This post is also available in: English