Kunċert jagħti bidu għall-Anniversarju tal-50 sena tad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza flimkien ma’ RTK 4 Charity u l-Forzi Armati ta’ Malta u bil-kortesija tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann tellgħet kunċert bħala bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li se jfakkru l-50 sena mit-twaqqif tad-Dar. Il-Kunċert sar fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt it-tmexxija tas-Surmast John Ivan Borg, is-sopran Rosabelle Bianchi, it-tenur Musician Gunner Zammit Georg u l-korijiet Bel Canto u tal-istudenti tal-Kulleġġ De La Salle taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca u l-Amministratur Appostoliku, Mons Isqof Charles J. Scicluna. Għall-okkazjoni ġiet esegwita għall-ewwel darba “Ispirazzjoni Divina” mużika ta’ Mro Ray Sciberras bi kliem ta’ Sunny Aquilina.

Fid-diskors tiegħu, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li dan il-kunċert b’risq id-Dar tal-Providenza għandu jkun ukoll preludju għas-sena li ġejja, sena speċjali li fiha d-Dar tal-Providenza se tkun qed tikkommemora l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha mill-mibki Mons Mikiel Azzopardi. It-tema magħżula għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet hija: “Rispett, Drittijiet u Dinjità”. Dawn huma l-valuri li d-Dar tħaddan u li għandhom ikomplu jispiraw il-ħidma tad-Dar fiż-żmien li ġej. Jalla dawn it-tliet kelmiet ikomplu wkoll jispiraw is-soċjetà tagħna biex il-persuni b’diżabilità jkunu verament stmati ndaqs.

Kelliem speċjali tal-okkazjoni kienet Vicky Gauci, persuna b’diżabilità u lekċerer fl-Università ta’ Malta, li qalet li kien Mons Mikiel Azzopardi li ħamsin sena ilu fetah it-triq biex il-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Ghawdex jibdew jiġu meqjusa b’iktar dinjita’. Minn dak iż-żmien u bil-hidma bla waqfien ta’ nies dedikati, Vicky Gauci qalet li bdejna nifhmu li d-diżabilita’ ma tiġix biss min-nuqqas bijoloġiku, iżda tiġi wkoll, mit-tfixkil li nsibu fis-soċjeta’ u fl-ambjenti ta’ madwarna li jżommu l-persuni b’diżabilita’ milli jkollhom opportunitajiet bħal kulħadd fil-bqija tas-soċjeta’.

Mons Isqof Charles J. Scicluna irrefera għall-frażi feliċi “demokrazija nklussiva” użata mill-President ta’ Malta fejn kulħadd iħossu ċittadin ta’ dan il-pajjiż, li kulħadd iħossu milqugħ. Huwa qal li l-ispirazzjoni divina li kellu Dun Mikiel kellha bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd. Il-qalb ġeneruża ta’ mara li kellha pjan li tmur safra b’mitt lira imma dawk il-mitt lira iddeċiediet li tagħtihom lil dan il-viżjunarju kbir, li ma kienx biss xi ħadd li joħlom imma kien ukoll xi ħadd li jġiegħel lil ħaddieħor jentużjażma ruħu. U Alla jgħin permezz tagħna lil kulħadd b’mod speċjali lil min ikollu viżjoni kbira.

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-ġid li għamel Dun Mikiel ma jistax jitkejjel. Hu kien jemmen li għandha tingħata d-dinjità u mhux il-ħasra u din hi d-differenza l-kbira li ħaddan Dun Mikiel. Bid-dinjità tagħmel is-solidarjetà imma bil-ħasra tisraq id-dinjità. Madankollu, Dun Mikiel kien ukoll motivatur tal-għaqda għax ġibed warajh il-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu. W allura, kompliet tgħid il-President, dan il-kunċert huwa bidu mill-aqwa għal dan l-avveniment importanti li jfakkar it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, bis-saħħa ta’ Mons Mikiel Azzopardi u għandna tassew għalxiex nagħtuh ħajr imma hija wkoll ċelebrazzjoni tal-għaqda fost il-Maltin u l-Għawdxin, tal-valur qawwi li jiddistingwina mill-popli kollha, tal-imħabba li tirrifletti ruħha fis-solidarjetà. Huwa wkoll rikonoxximent tal-fatt li l-Knisja Kattolika Maltija tat kontribut tant qawwi u hija ċerta li se tibqa’ tagħti fis-settur soċjali u fil-motivazzjoni tal-volontarjat.