Jitnieda ktieb tal-mibki Kilin waqt inawgurazzjoni ta’ bust tiegħu fir-Rabat
Illum tnieda l-aħħar ktieb tal-mibki KILIN bl-isem ” …THE ISLAND WAS CALLED MELITE” li huwa traduzzjoni tiegħu stess għall-Ingliż tar-rumanz “TINSIEX PUBLIUS TINSIEX”. Rosalie Caruana, bint Kilin, nidiet il-ktieb waqt ċerimonja ta’ nawgurazzjoni ta’ bust ta’ Kilin fir-Rabat, pajjiż tfulitu li tant kien iħobb u fejn jixraqlu li jkun imfakkar. Is-sinjura Caruana qalet li missierha baqa’ sal-aħħar anke ta’ 90 sena jaħdem fuq il-ktieb imma fl-aħħar ma felaħx aktar u ried lil bintu — Cecilia Testa — tkompli l-aħħar żewġ kapitli għalih. Il-qliegħ kollu mill-bejgħ ta’ dan il-ktieb, li jista’ jinxtara mill-Agenda Bookshops għall-prezz ta’ €15, se jmur għad-Dar tal-Providenza li kienet ħafna għall-qalb ta’ Kilin.
Waqt iċ-ċerimonja, s-Sinjura Caruana irringrazzjat lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, li kien l-ewwel persuna li kkuntattjat dwar l-ideja tal-bust ta’ missierha, il-Ministru tal-Finanzi, il-Prof Edward Scicluna li għen finanzjarjament permezz tal-Fond tal-Kawżi Ġusti, is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, s-Sur Joe Borg u l-awtur Trevor Zahra, ħabib kbir ta’ Kilin. Irringrazzjat ukoll lill-Kap tal-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja tar-Rabat, is-Sur Michael Pace.
L-iskultur tal-bust tal-bronż ta’ Kilin hu ta’ Joseph Scerri mir-Rabat li s-Sinjura Caruana qalet li ħadem bil-qalb fuq il-mafkar ta’ missierha u li kif ngħidu bil-Malti qaxxar lil missierha f’dan il-bust tassew sabiħ.