Jitfakkar it-tlieta w tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi
Illum, 13 ta’ Mejju 2020 jitfakkar it-tlieta w tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza, li waqqaf id-Dar fl-1965 u li kien isejjħilha “oasi ta’ karità nisranija”. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.
Dun Mikiel kien iħares lejn kull persuna b’imħabba kbira sew meta kien fil-qasam tal-edukazzjoni, imbagħad fl-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u fl-aħħar fid-Dar tal-Providenza.
L-għan tad-Dar hu li tipprovdi servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tagħtihom is-saħħa li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbah lill-familja u li jkabbar l-abbiltajiet tagħhom biex b’hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħieħ fis-soċjetà.
Tul is-snin, dan is-servizz seta’ jkun possibli grazzi għas-sapport kontinwu li l-Maltin u l-Għawdxin taw kemm b’ħidma volontarja kif ukoll finanzjarja.
Illum id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar fil-komunità, ’Żerniq’ fis-Siġġiewi, ’Akkwarell’ fil-Qawra, ’Dar Pirotta’ f’Birkirkara u ’Shalom’ fiż-Żurrieq. Huwa ttamat li aktar tard din is-sena, dejjem skont kif se tkompli tiżvolġi f’pajjiżna il-pandemija COVID-19, tiġi nawgurata il-ħames dar fil-Balluta.
Bħalissa fid-Dar tal-Providenza jgħixu madwar 115-il resident b’etajiet ta’ bejn it-tmien snin u ’l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizz ta’ respite lil familji ta’ persuni b’diżabilità biex ikunu qed jingħataw kull appoġġ biex il-membri tal-familja b’diżabilità jibqgħu jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom.
Aktar tard illum, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef se joffri quddiesa b’suffraġju għal ruħ Mons. Mikiel Azzopardi fil-kappella tad-Dar.
This post is also available in: English