Jippruvaw jitilgħu il-muntanja Etna b’risq id-Dar tal-Providenza

Bejn il-21 u 24 ta’ Marzu tnax-il persuna mill-Kumpanija Ascent Software se jippruvaw jitilgħu fuq il-Muntanja Etna fi Sqallija sabiex jiġbru fondi għad-Dar tal-Providenza. Flimkien ma dan il-grupp hemm ukoll Dr Gregory Attard, tabib Malti magħruf għat-tlugħ mal-muntanji. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiini tal-Kumpanija f’Ħal-Luqa, is-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva Dr Franco Mercieca, waqt li faħħar din l-inizjattiva qal kemm huwa importanti li tagħti xi ħaġa mingħajr ma tistenna xejn lura. Dr Mercieca, semma l-missjoni tant importanti li qed twettaq id-Dar tal-Providenza, u qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin lil din id-Dar billi jidħol fi sħab meta l-istess Dar tiftaħ dar oħra fil-kommunita’, din id-darba f’Ħaż-Żabbar.

Tkellem ukoll ix-shadow Minister Dr Stephen Spiteri li qal li inizjattiva kuraġġjuza bħal din se toħrog ukoll l-isfida ta’ dawn iż-żgħażagħ impjegati. Heġġeġ biex ikun hawn aktar negozji sabiex jimxu fuq l-istess passi.

Fr Martin Micallef, direttur tad-Dar tal-Providenza qal li attivita’ bħal din, barra li tgħin lid-Dar tal-Providenza, li kullma jmur l-ispejjez qed ikomplu jikbru, turi t-team spirit u tkompli tgħaqqad izjed lill-impjegati bħala kumpanija.

Mit-tnax-il xabbatur li se jitilgħu fuq il-Muntanja Etna, hemm ukoll id-direttur Maniġerjali tal-Kumpanija, Joseph Sultana, li qal li Ascent Software se jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kull min se jieħu sehem u se jagħtu €150 għal kull parteċipant lid-Dar tal-Providenza.

Bħala parti mill-Ascent Etna Software Challenge, studenti tal-ICT intalbu jiżviluppaw software application li jista’ jiddeċifra messaġġ sigriet. Ir-rebbieħ ġie mistieden jingħaqad mal-grupp ta’ mpjegati li se jitilgħu mal-Etna bl-ispejjeż kollha mħallsa mill-kumpanija.

Donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza jistgħu jsiru minn issa fuq: http://ascentsoftwarefundraising.myinstapage.com/ jew jibgħatu SMS ta’ E 7 fuq: 506 18 922.

Fir-13 t’April se ssir The Ascent Adrenaline Day. Attività li se tkun miftuħa għall-pubbliku u li se tagħti togħma tal-avventuri li seħħew mat-tlugħ tal-Etna. Se jkun hemm ukoll għadd ta’ attivitajiet oħra bħal tixbit u abseiling. Għadd ta’ għaqdiet diġà qalu li se jieħdu sehem f’din l-attività għall-familji ta’ kull età. Ikun hemm ukoll animazzjoni għat-tfal.

Ascent Software, li twaqqfet fl-2003, toffri għadd ta’ servizzi fosthom dawk finanzjarji (ERP, FOREX), manifattura, telekomunikazzjoni, posta w enerġija. Illum timpjega tim ta’ aktar minn ħamsin speċjalist.