Jinġabru €7,500 f’maratona ta’ 34 siegħa Abseiling b’risq id-Dar tal-Providenza
Sitt mitt persuna ħadu sehem fil-ħames edizzjoni tal-Maratona ta’ 34 siegħa Abseiling u rnexxielhom jiġbru €7,500 b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-maratona li saret fuq il-pont tal-Mosta fi tmiem il-ġimgħa bdiet is-Sibt filgħodu u baqgħet sejra sa tard il-Ħadd filgħaxija u kienet organizzata mill-Boy Scout Group tal-Mosta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mosta u Radju RTK. Is-somma li nġabret tiġi ippreżentata waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata fl-ewwel tas-sena mill-RTK4Charity u d-Dar tal-Providenza. F’dawn l-aħħar ħames snin, l-organizzaturi irnexxielhom jiġbru € 20,700.
Is-Sibt, l-Arċisqof Emeritus, Mons Pawl Cremona OP għamel talba u bierek il-parteċipanti fil-bidu tal-maratona waqt li l-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna ma naqasx li jattendi u sab ħin jitkellem mal-organizzaturi u mal-bosta żgħażagh li ħadu sehem għall-karità. Is-sindku tal-Mosta, s-sur Edwin Vassallo ukoll ltaqa’ ma’ wħud mill-parteċipanti.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, ingħaqad mas-Sur Edward Vella, il-leader tal-Boy Scout Group tal-Mosta u organizzatur tal-maratona, u faħħru l-għadd kbir ta’ voluntiera li għenu bis-sħieħ fl-organizzazzjoni u t-tmexxijja tal-maratona b’risq id-Dar tas-Siġġiewi.
Is-Sur David Agius, Kelliem tal-Oppożizzjoni, libes l-għarmar protettiv u xxabbat mal-pont waqt li l-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia u l-partner tagħha, il-Whip tal-Partit Laburista, t-tabib Godfrey Farrugia qasmu l-mitt metru tal-wied tal-Mosta mdendlin ma’ wire.
Dawk kollha li ħadu sehem f’din il-maratona kienu mitluba jagħtu donazzjoni ta’ €12 matul il-ġurnata jew donazzjoni ta’ €6 matul il-lejl. Kull min ħa sehem ingħata t-taħriġ meħtieġ kif ukoll l-għażla li jixxabbat mal-ħajt tal-pont jew ma’ waħda mill-arkati f’dik li tissejjaħ free fall kif ukoll iz-Zip Line ta’ mitt metru li ġie ntrodott għall-ewwel darba din is-sena.