Jibda jitqassam fid-djar id-Djar tad-Dar tal-Providenza
Id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2015 qed jitqassam bħalissa f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Il-kumpanija Maltapost reġgħet ġentilment offriet li tqassam mingħajr ħlas id-djarji fid-djar kollha.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li dan id-Djarju qed ifakkar l-okkazjoni speċjali tal-50 sena mit-twaqqif tad-Dar minn Mons Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965 b’artikli u ritratti. Huwa żied jgħid li “filwaqt li dan l-anniversarju għandu jgħinna napprezzaw dak li sar irid ukoll iħeġġiġna biex inħarsu ‘l quddiem u nkomplu nirrealizzaw il-Viżjoni, il-Missjoni u l-Valuri tad-Dar tal-Providenza fis-snin li ġejjin.”
Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri ikollhom l-opportunita’ li juru s-solidarjeta’ tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u sebgħa persuni b’diżabilita’ bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom. F’dawn l-aħħar ġimgħat għadd kbir ta’ volontiera minn kull qasam tal-ħajja taw daqqa t’id fl-ippakkjar ta’ dawn id-djarji f’envelopes apposta. Bħal fis-snin l-imgħoddijja, minbarra l-kalendarju dettaljat, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex. Żdiedet ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla.
Ir-ritratt bil-kulur tal-qoxra huwa Mużajk. Xogħol ta’ Christopher Grima fuq disinn ta’ Kenneth Grima taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum, Aġenzija Sapport, Fleur-De-Lys.
Gasan Mamo Insurance u Middlesea Valletta Life Assurance Company Ltd. sponsorjaw l-istampar tad-djarju.
9 t’Ottubru 2014