Is-Sur Paul Gauci, Direttur ta’ PG Group jagħmel donazzjoni lil Caritas Malta u lid-Dar tal-Providenza
L-intraprenditur Paul Gauci, madwar 20 sena ilu, kien għamel wegħda lill-Monsinjur Victor Grech waqt li kienu qed iqattgħu ftit ħin flimkien il-Qawra dak is-sajf, li kien se jgħin lil Caritas – dak iż-żmien il-Monsinjur kien ilu diġà diversi snin mhux ħażin imexxi din l-entità – dejjem jekk ikun jista’.
Illum dik il-wegħda ġiet kompluta; qed jgħin mhux biss lil Caritas Malta imma wkoll lid-Dar tal-Providenza, u dan għamlu b’mod innovattiv li qed jispera li se jispira benefatturi oħra jieħdu dan l-eżempju.
Paul Gauci offra 750,000 f’ishma kull wieħed lil dawn l-entitajiet mill-75 fil-mija tal-ishma tiegħu minn PG plc, li tfisser li kemm Caritas kif ukoll id-Dar tal-Providenza mhux biss se jirċievu l-valur tal-kapital f’ishma, imma wkoll żewġ dividenti kull sena, skont il-prestazzjoni tal-kumpanija.
Għalkemm Caritas Malta u d-Dar tal-Providenza jirċievu legati b’mod regolari, din id-donazzjoni hija kkunsidrata ogħla, peress li se tagħtihom iċ-ċans li jippjanaw bil-quddiem, xi ħaġa li normalment hija ferm diffiċli għall-entitajiet li jibbażaw ħafna l-ħidma tagħhom fuq ġbir ta’ fondi.
“Xtaqt li nagħtihom siġra, siġra li tagħti l-frott kull sena” spjega s-Sur Gauci mdawwar bil-familja tiegħu li kollha kienu b’appoġġ għal din id-donazzjoni.
“Missieri dejjem kien jgħidli li bil-karità qatt ma ftaqar ħadd. Legat ta’ persuna qatt ma jiġi definit b’dak li ħallew warajhom bis-suċċess li għamlu, imma bil-ġid li għamlu kull darba li setgħu” kompla jgħid.
Id-deċiżjoni tiegħu li jagħtihom l-ishma flok donazzjoni ta’ flus, kienet motivata mir-rispett li għandu lejn iż-żewġ entitajiet, li t-tnejn li huma għandhom rwol soċjali importanti immens fis-soċjetà.
“Meta tagħti l-flus, mhux dejjem tkun ċert kif qed jintefqu. Il-Benefatturi għandhom ir-responsabbiltà li jiskrutinizzaw lil dik l-entità li jixtiequ jgħinu, u wkoll li jaċċertaw li jkollhom trasparenza.” qal dan waqt li wera biċ-ċar kemm għandu rispett għoli lejn iż-żewġ entitatjiet.
PG Group jappoġġow dan il-ġest sabiħ li għamel is-Sur Paul Gauci u jħossu li din hija strateġija ta’ Corporate Social Responsability minn naħa tal-kumpanija.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li: “Dan hu mod ġdid ta’ Corporate Social Responsability li qed tibbenefika minnu d-Dar tal-Providenza li toffri servizzi residenzjali u ta’ respite lil Persuni b’Diżabilita u familji tagħhom. Din mhix għajnuna ta’ darba imma kif qalilna s-Sur Paul Gauci anke fid-diskussjonijiet tagħna, siġra, li tingħaqad mal-masġar ta’ ġenerożità, u li se jkun qed jagħtina frott kull sena biex jgħinna fil-ħidma professjonali li nagħmlu fid-Dar tal-Providenza.”
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, qal li: “Permezz ta’ inizjattivi u bil-ġenerożità tal-Maltin nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna. Il-poplu Malti dejjem ikkontribwixxa u wera sens kbir ta’ ġenerożità kull meta kien imsejjaħ, u dawn il-fondi se jassistu biex inkomplu nipprovdu l-firxa wiesgħa ta’ servizz
This post is also available in: English