Is-Sorijiet tal-Karità jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2017

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi għas-sena 2017 ingħata lis-Sorijiet tal-Karità bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament għall-50 sena ta’ ħidma fid-Dar tal-Providenza. Sr Natalie Abela, d-delegata Maltija għall-Provinċja Malta-Italja flimkien ma’ Sr Lorenza Borg, Superjura tal-komunità tas-sorijiet li jaħdmu d-Dar tal-Providenza.

Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, s-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna.

Fl-1965 meta Dun Mikiel Azzopardi beda l-ħidma biex jibni fis-Siġġiewi l-ewwel Dar f’Malta għall-persuni b’diżabilità ħass li ma setax imexxi din id-Dar mingħajr l-esperjenza ta’ xi kongregzzjoni reliġjuża. Wara li fallewlu t-tentattivi tiegħu mal-Gwanelljani tal-Italja u s-Sorijiet Franġiskani Maltin huwa rrrikorra għas-Sorijiet tal-Karità li issa kienu stabbilew sew fil-ħidma karittatevoli tagħhom f’Malta.

Fl-1967, Dun Mikiel kiteb lill-Madre Ġenerali f’Ruma Sor Maria Candida Torchino, jitlobha li tagħti l-barka tagħha lill-Provinċja Maltija biex tiftaħ komunità tal-Kongregazzjoni tagħha fid-Dar tal-Providenza. Il-Madre Generali aċċettat din it-talba u tat il-kunsens tagħha lill-Provinċjali ta’ Malta, Sor Angela Maria Corbella.

Fil-bidu tas-sena 1968, il-bini tal-ewwel Dar, li Dun Mikiel semma Villa Monsinjur Gonzi bħala rikonoxximent lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Sir Mikiel Gonzi li kien ta donazzjoni sostanzjali għal din l-opra, kien għoddu lest biex tilqa’ l-ewwel residenti.

Fit-12 ta’ Jannar 1968, xahar qabel daħlu l-ewwel residenti f’Villa Mons. Gonzi, il-Madre Provinċjali bagħtet komunità żgħira ta’ sorijiet li bdew jgħixu u jippreparaw għal din il-ħidma ġdida fid-Dar tal-Providenza. L-ewwel superjura ta’ din il-komunità kienet Sor Maria Assunta Mallia. Magħha kien hemm Sor Alessandra De Lazzaro u Sor Agostina Cutajar. Bħala kunvent is-sorijiet ingħataw binja li sal-1962 kienet tintuża mill-fizzjali Inglizi billi l-post fejn Dun Mikiel beda jibni Villa Monsinjur Gonzi kien Rest Camp tan-Navy Ingliza. Nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar 1968, il-festa ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna liċ-ċkejkna Bernardette ġewwa l-grotta ta’ Masabielle ġewwa Lourdes, Dun Mikiel u s-sorijiet laqgħu l-ewwel tlett residenti f’Villa Mons Gonzi. Fl-24 ta’ Frar ta’ dik is-sena mbagħad, ġie iffirmat ftehim uffiċċjali bl-approvazzjoni tal-Arċisqof bejn l-Azzjoni Kattolika u l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret biex il-Provinċja Maltija tagħti s-servizzi tagħha lid-Dar.

Minn dak in-nhar sal-lum, din il-komunità baqgħet taqdi lir-residenti tad-Dar b’dedikazzjoni u imħabba kbira. 42 soru taw is-servizz tagħhom lir-residenti tul il-ħamsin sena tal-ħidma tagħhom f’din id-Dar. Tul dan iż-żmien is-superjuri ta’ din il-komunità kienu Sor Maria Assunta Mallia, Sr Annunziata Cortis, Sr Cecilia Frendo, Sr Maria Ersilia Mifsud, Sr Madalena Fava, Sr Maria Antida Mifsud u Sr Lorenza Borg.

Fr Martin qal li l-50 anniversarju tal-ħidma tas-Sorijiet tal-Karità jistednuna nħarsu ‘l quddiem biex dak li nbena tul dawn is-snin kollha nkomplu nimpenjaw ruħna li inkompluh u ntejbuħ. “Id-Dar tal-Providenza hija mpenjata li tkompli tkun sinjal għas-soċjeta Maltija li l-persuni b’diżabilità jistħoqqilhom bħal kull persuna oħra ir-rispett, id-dinjità u d-drittjiet dovuti lilhom mill-konċepiment tal-mewt. Għad hawn minn jiddiskrimina imma aħna rridu nkomplu nistinkaw biex il-persuni b’diżabilità jingħataw dak li hu tagħhom bi dritt fis-soċjeta u fil-Knisja.”

Id-diskors ewlieni sar minn Isabel Bonello, tfajla b’diżabilità intellettwali li dawn l-aħħar snin ħadmet fuq riċerka inklussiva flimkien mal-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan l-Università ta’ Malta dwar l-esperjenza ta’ protezzjoni żejda fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità intellettwali f’Malta. Isabelle Bonello tkellmet dwar esperjenza negattivi kif ukoll pożittivi ta’ protezzjoni żejda. Hija saħqet kemm l-għajnuna hi importanti ħafna fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità intellettwali. “Ngħid għalija, meta nsib persuni li jgħinuni u jfehmuni bil-mod jien nitgħallem u nsir kapaċi nagħmel affarijiet ġodda. Per eżempju, fuq ix-xogħol sibt min igħallimni nuża l-iscanner u issa qed naħdem sigħat itwal u naqla’ iktar paga. L-Aġenzija Sapport kienu tawni sapport worker biex tgħinni nitgħallem nuża tal-linja waħdi, u llum immur f’ħafna postijiet b’tal-linja. Insib ukoll għajnuna mill-familja. Meta taħdmu ma’ persuni b’diżabilita intelletwali importanti li ma taqtawlhomx qalbhom. Fejn ma taslux, kunu kalmi u jekk hemm bżonn tispjegaw aktar minn darba. Fejn il-persuna tibqa’ jkollha bżonn l-għajnuna, xorta għandna nisimgħuha u ngħinuha biex tagħmel dak li tixtieq.”

Fid-diskors tiegħu l-Arċisqof Mons. Charles J Scicluna rringrazja lill-Forzi Armati u lil Kap Kmandant ta’ din l-esperjenza sabiħa u din il-kollaborazzjoni bejn il-Forzi Armati, l-Istat u d-Dar tal-Providenza. Huwa ddeskriva l-Kunċert bħala “esperjenza ta’ solidarjeta’.”
L-Arċisqof irringrazzja wkoll lis-Sorijiet tal-Karità talli l-kelma ta’ Ġesù, kuljum jagħmluha xhieda konkreta. “Intom parti mis-sbuħija tal-Knisja. Il-Katidral sabiħ, imma is-sbuħija tal-Knisja qegħda fix-xhieda tal-Evanġelju u jien nirringrazzjakom ukoll għax naf mill-esperjenza personali li x-xhieda tagħkom tagħmluha wkoll bit-tbissima anke f’mumenti diffiċli, b’dik is-serenita’.”

Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, rringrazzjat ukoll lis-Sorijiet tal-Karità u stqarret li huma jiskantawha għax m’hawnx aspett wieħed ta’ vulnerabilità li dawn is-sorijiet ma ssibhomx minn ta’ quddiem. “Nixtieq nirringrazzjakom f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, għax ix-xhieda li qed tagħtu tat-tagħlim soċjali tal-Knisja qed tagħmluh b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, l-ġenituri u lil dawk kollha li jagħtu daqqa t’id fid-Dar tal-Providenza. “Din id-Dar tibqa ix-xempju tal-persuni u ta’ dak kollu l-aktar għażiż f’qalbna. Dun Mikiel Azzopardi ġie ħafna qabel ma għaddejna il-liġijiet nazzjonalment u internazzjonalment. Kien hemm diġa dik il-viżżjoni ta’ dak li ngħidulu llum Is-Sheltered Living u Independent Living u dawk l-affarijiet kollha li llum niftahru li ghamilna u lleġiżlajna. Mons Mikiel Azzopardi jibqa’ din l-ikona tal-kobor u tat-tjubija”

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast WO1 Jonathan Borg. Il-programm mużikali kien jinkludi siltiet minn kompożizzjonijiet mużikali ta’ Howard Hanson, Ludwig Van Beethoven, Ellis Brooks, Joseph Haydn, George Frideric Handel, Mro Joseph Sammut, Antonio Nani u Mro George Zammit.

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet akkumpanjata mill-Coro Bel Canto bis-sehem tat-tenur Gnr Georg, it-tenur Charles Vella Zarb u l-baritonu Alfred Camilleri.

Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni jew organiżżazzjonijiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex. Dan il-Premju tnieda għall-ewwel darba fl-1995, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza.
Il-Kunċert kien organizzat mid-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Fondazzjoni tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann u bil-għajnuna tas-Sur Tonio Bonello.

(Lista tar-rebbieħa tal-edizzjonijiet l-imgħoddija tidher hawn taħt).

Rebbieħa ta’ l-imgħoddi tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi:

1995: Dr Lawrence Gonzi LL.D. u s-Sinjura Mari Lowell

1996: (Il-Premju ma nghatax)

1997: Sur Paul Mifsud u s-Sur Lewis Portelli

1998: Mons. Manuel Curmi

1999: Dun Charles Fenech O.P.

2000: Sur Joseph M. Camilleri

2001: Dr Carmelo Vella, M.D.

2002: Sinjura Victoria Demanuele

2003: Suor Maddalena u Suor Fortunata Fava

2004: Sur John Peel

2005: Sur John Micallef

2006: Sur Tonio Bonello u s-Sur Albert E. Vella

2007: Sinjura Yvonne Eastman

2008: Sur Alfred Bezzina

2009: Sur Denis Azzopardi, President tal-Grupp Distrofija Muskolari u l-Liċeo tal-Ħamrun, Kulleġġ San Ġorġ Preca

2010 Mons. Lawrence Gatt u Dun Ġużepp Borg Micallef

2011 Dun Lino Cardona SJ, u s-Sinjuri Blanche Mifsud u Mary Verzin

2012 Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD)

2013 Adelina u Marcel Pisani

2014 (Il-Premju ma ngħatax)

2015 Anġela Agius

2016 Dar il-Kaptan

This post is also available in: English