Fr Martin Micallef

Inawgurazzjoni ta’ pixxina terapewtika moderna fid-Dar tal-Providenza

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna inawgura uffiċċjalment u bierek pixxina terapewtika ġdida u moderna għall-aħħar biex tintuża mir-residenti tad-Dar tal-Providenza. F’diskors li għamel, l-Arċisqof Scicluna qal li t-terapija tal-ilma jew Aquatherapy huwa kunċett profond u għażiż għall-kultura nisranija tagħna li permezz tas-Sagrament tal-Magħmudija tagħti bidu għall-ħajja permezz tal-ilma bħala terapija għar-ruħ. L-Arċisqof fakkar li Kristu wkoll beda l-ħajja pubblika permezz tal-Magħmudija fl-ilma tal-Ġordan minn Ġwanni l-Battista. Id-Dar tal-Providenza hija wkoll terapija għar-residenti tagħha b’diżabiltajiet varji imma huwa mdawwrin mill-ambjent ta’ solidarjetà li jgħixu fih. Huwa fakkar fil-ħafna valuri li jeħtieġu attenzjoni urġenti. Wieħed minnhom huwa il-baħar li jdawwar il-gżejjer tagħna.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza irrefera għall-kliem li l-mibki Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien qal fil-funeral ta’ Mons Mikiel Azzopardi: “Mur b’moħħok b’mistrieħ. Serraħ rasek, Dun Mikiel għax l-inizjattivi kollha li bdejt se jitkomplew.”  Din l-istqarrija, kompla jgħid Fr Martin, tefgħet responsabiltà kbira fuq dawk li jmexxu u jaħdmu fid-Dar tas-SiġġiewiKien kliem profetiku għax minn dak iż-żmien sal-lum bil-għajnuna ta’ Alla hekk ġara u hekk hija t-tama li jkompli jiġri fil-ġejjieni. Il-proġett tal-pixxina terapewtika li ġie inawgurat il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru huwa turija oħra tal-impenn ta’ kull min hu responabbli mit-tmexxija tad-Dar kif ukoll tax-xewqa tal-poplu Malti u Għawdxi li l-ħolma ta’ Dun Mikiel titkompla.

Kelliema oħra kienu l-Perit John Papagiorcopulo, koordinatur tax-xogħol tal-bini tal-pixxina, is-Sinjura Margaret Vella, Fiżjoterapista ewlenija tad-Dar, is-Sur Tonio Mercieca, persuna b’diżabilità, resident f’Dar Akkwarell fil-Qawra, is-Sinjura Grace Darmanin, ex-Chairperson tal-Malta Memorial District Nursing Association (MMDNA) kif ukoll l-Inġinier Roberto Bardasi mill-kumpanija Taljana A-Circle Habilitation Concept li kienet responsabbli mid-disinn u l-esekuzzjoni tal-proġett tal-pixxina terapewtika.

4 ta’ Novembru 2016