Stephen Barbara

Inawgurazzjoni mill-ġdid tas-sala għar-rikreazzjoni u l-edukazzjoni tar-residenti tad-Dar tal-Providenza.

“Il-Fondazzjoni Marigold trid tkompli tgħin biex tagħmel id-differenza fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti tad-Dar tal-Providenza billi tipprovdi għajnuna finanzjarja fejn l-għotjiet u l-appoġġ kontinwu finanzjarju tal-poplu Malti ma jwasslux minħabba prijoritajiet oħra.” Dan qalitu s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Marigold Foundation BOV in the Community meta inawgurat is-sala rinnovata li hemm fid-Dar fis-Siġġiewi.

Sa mill-1974 meta nbniet Villa Papa Giovanni, din is-sala ntużat u għadha tintuża għal diversi attivitajiet ta’ rikreazzjoni u edukazzjoni għar-residenti tad-Dar tal-Providenza, Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons Charles Cordina bierek is-sala u r-residenti u l-carers tagħhom li jużawha u faħħar il-ħidma li ssir fid-Dar li tagħti r-rispett u d-dinjità li jixirqu lir-residenti tagħha.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lis-Sinjura Muscat li ġentilment offriet l-għajnuna finanzjarja tal-Marigold Foundation BOV in the Community biex isir ir-rinnovament tant meħtieġ tas-sala. Huwa tkellem dwar ix-xogħol ta’ rinnovar li sar li kien jinkludi, fost affarijiet oħra, estensjoni tal-palk eżistenti, tibdil fis-sistema tal-arja kkondizzjonata, installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal u amplifikazzjoni kif ukoll purtieri ġodda għall-palk u għas-sala.

Bħala parti mill-programm sar żfin mir-residenti tad-Dar immexxijja mis-Sinjura Sara Doublesin, id-Dance Therapist tad-Dar.