Inawgurata t-8 Edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon

53 siegħa ta’ Volleyball biex jinġabru l-fondi għad-Dar tal-Providenza

It-8 edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza, ġiet uffiċjalment inawgurata mill-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Hija kienet akkompanjata mill-Onorevoli Justyne Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sinjura Elvia George, Uffiċjal Kap Finanzjarju fil-Bank of Valletta u membru fuq il-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – il-BOV fil-Komunità u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Il-President Coleiro Preca ngħatat merħba mill-qalb minn dawk kollha preżenti, inkluż ir-residenti u l-ħaddiema ta’ sostenn tagħhom. Fid-diskors tagħha, l-Eċċellenza Tagħha faħħret ix-xogħol iebes li twettaq id-Dar Residenzjali, u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema ta’ sostenn u tal-voluntiera li joħorġu barra minn triqthom biex jagħmlu dan l-avveniment possibbli, sena wara sena. “Għal aktar minn nofs seklu, id-Dar tal-Providenza tibqa’ leali lejn il-missjoni tal-missier fundatur tagħha, Mgr Mikiel Azzopardi. Huwa kien pijunier f’dak iż-żmien, u llum, bid-Djar tagħha fil-Komunità, id-Dar tal-Providenza qed tkun pijunier li turina kif dawn ir-residenti jistgħu jkollhom ħajja sħiħa fil-komunitajiet tagħna.”

Filwaqt li rringrazzja lill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, Fr Martin Micallef esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-pubbliku ġenerali għad-donazzjonijiet tagħhom matul il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li fih inġabru aktar minn EUR 260,005 b’risq id-Dar. “Din il-Maratona tpoġġi fuq quddiem tliet valuri importanti – il-valur tas-solidarjetà, il-valur tal-ħidma volontarja filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-isport. Il-plejers tagħna wrew impenn bla heda matul dawn l-aħħar sitt ġimgħat permezz ta’ taħriġ eżiġenti u sagrifiċċju personali.” Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti, huwa tenna t-talba tiegħu għall-għajnuna, “Bl-għajnuna ta’ kulħadd, nistgħu nkomplu nagħmlu l-ħajjiet ta’ dawn in-nies aktar sinifikanti. Bl-għajnuna tagħkom, nistgħu nipprovduhom bil-faċilitajiet u l-kwalità tal-ħajja li jixirqilhom. Dan huwa dak li tirrappreżenta l-BOV Marigold Volleyball Marathon.”

L-Onor Dr Justyne Caruana għamlet referenza għad-Djar fil-Komunità, bl-aktar waħda riċenti ġiet inawgurata f’April li għadda fiż-Żurrieq bħala proġett konġunt bejn is-Segretarjat tagħha, l-Aġenzija Sapport u d-Dar tal-Providenza. “Nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għall-isforzi tad-Dar tal-Providenza li qed tinvesti biex tintegra r-residenti tagħha fil-komunità, b’erbat idjar li diġà qed joperaw.”

Hija għamlet referenza għall-proġett Soċjetà Ġusta li qed jiġi implimentat mill-Gvern biex jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura u li kulħadd ikun inkluż. “Hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li dawn ir-residenti jiġu integrati bis-sħiħ fil-komunitajiet tagħhom, u jirċievu servizzi ta’ kwalità għolja filwaqt li jingħataw l-opportunità li jaħdmu u jipparteċipaw fis-soċjetà bis-sħiħ.”

Is-Sinjura Elvia George qalet li d-Dar tal-Providenza tkompli tokkupa post speċjali fil-qalb tal-komunità Maltija. “L-għajnuna lill-NGOs bħad-Dar tal-Providenza hija waħda mill-objettivi prinċipali tal-Fondazzjoni Marigold. Aħna nirrikonoxxu x-xogħol eċċellenti li qed tipprovdi d-Dar tal-Providenza u ninsabu kburin li qed ngħinu fil-bżonnijiet tagħha. Meta tagħmel dan, il-Fondazzjoni tissodisfa l-għan ewlieni tagħha ta’ ħidma favur il-bini ta’ komunità aħjar, din id-darba billi tiffoka fuq kawżi relatati mal-bżonnijiet speċjali. Is-Sinjura Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, tkompli tappoġġja d-Dar tal-Providenza u filwaqt li ma setgħetx tkun magħna llum, hija se tkun qed iżżur id-Dar matul tmiem il-ġimgħa.”

Il-Maratona se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 3 ta’ Lulju fil-grawnds tad-Dar innifisha. Minbarra li jappoġġjaw lill-plejers li se jkunu qed jilagħbu l-volleyball, il-viżitaturi jistgħu jgawdu xi ftit mill-aqwa talent Malti. L-organizzaturi ħasbu wkoll għal skrin kbir għal dawk il-viżitaturi li jkunu jixtiequ jsegwu l-UEFA Euro 2016, filwaqt li t-tfal jistgħu jieħdu gost f’żona ddeżinjata speċifikament għalihom. Il-Maratona se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, NET TV u One TV.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ € 15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ € 25. Donazzjoni ta’ € 6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834.