Inawgurata l-Maratona tal-BOV Volleyball 2015 b’riżq id-Dar tal-Providenza
Il-Maratona tal-BOV Volleyball 2015 ġiet inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimħga filgħodu ġewwa id-Dar tal-Providenza. Fr. Martin Micallef, Direttur tad-dar residenzjali u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità indirizzaw lill-istampa, flimkien ma’ Elvia George – Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta, u Emanuel Zammit Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona tal-Volibol.
Il-maratona, li ser tara aktar minn 300 volontier, li 40 minnhom ser ikunu qed jilagħbu l-volibol għal 53 siegħa konsekuttiva, ser tkun inawgurata mill-E.T. il-President Marie-Louise Coleiro-Preca nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju fis-18.30. Din ser tiġi fi tmiemha f’nofs il-lejl tal-Ħadd. Il-pubbliku huwa mistieden li jżur il-maratona ġewwa d-dar residenzjali filwaqt li jagħti d-donazzjonjiet tiegħu bil-għan li jgħin fit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza, li din is-sena ser tkun qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha. Din id-dar takkomoda 105 persuna bi bżonnijiet speċjali. Ħamsin sena wara, irnexxielha żżomm mal-viżjoni tal-Fundatur tagħha, u hija mmexxija kompletament permezz tal-providenza.
Fid-diskors tagħha waqt il-konferenza stampa, is-Sinjura Muscat faħħret lid-Dar għax-xogħol imprezzabbli li tagħmel. “Id-Dar tal-Providenza qed taqdi rwol kruċjali fil-komunità, billi tgħin lir-residenti jgħixu ħajja dinjituża f’ambjent ta’ familja li jipprovdi kura u attenzjoni individwali.” Hija spjegat kif il-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità, hija l-kolonna soċjali tal-programm tar-responsabbiltà korporattiva tal-Bank. Il-Fondazzjoni Marigold tgħin lil assoċjazzjonijiet mhux governattivi bil-għan li jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
Fl-intervent tiegħu, Fr Micallef spjega li, “Il-BOV Volleyball Marathon hija waħda mill-avvenimenti l-aktar importanti għall-ġbir ta’ fondi għad-Dar. Bis-saħħa tal-Fondazzjoni Marigold u l-Bank of Valletta, il-fondi li nġabru is-sena l-oħra ippermettulna nirrinovaw żewġ appartamenti li ser ikomplu jtejbu il-kwalità ta’ ħajja tar-residenti.
“Il-Maratoni tgħaqqad flimkien aktar minn 300 volontier li jiddedikaw il-ħin u l-isforzi tagħhom biex dan l-avveniment ikun suċċess. Il-plejers ilhom jittrenjaw għal diversi ġimgħat, u bħalissa t-taħriġ isir wieħed akatr intensiv, biex b’hekk ikollhom l-istamina neċessarja biex jaffaċjaw 53 siegħa ta’ logħob kontinwu. Ħadd mhu joqgħod lura sabiex din l-attività tkun waħda ta’ suċċess,” qal is-Sur Zammit.
Filwaqt li tkellmet dwar l-involviment tal-Bank, is-Sinjura George esprimiet is-sodisfazzjon tal- Bank of Valletta li qed jipparteċipa f’attività bħal din li toħroġ l-aqwa valuri tal-komunità. “Il-Bank of Valletta jħoss r-responsabbilità li jilgħab rwol ewlieni fis-soċjetà Maltija li jmur aktar lil hinn mill-provvista ta’ servizzi finanzjarji. Hawnhekk ser inkunu qed niċċelebraw il-persuni b’abbiltajiet differenti, hekk kif il-volontiera jingħaqdu flimkien sabiex jagħmlu d-differenza filwaqt li fl-istess ħin jgħinu lir-residenti jħossuhom aċċettati u parti integrali mis-soċjetà tagħna.” Hija awgurat lill-organizzaturi għal din il-Maratona, filwaqt li ħeġġet lill-pubbliku biex ikun ġeneruż u jagħti s-sapport tiegħu lill-volontiera billi jżur id-Dar tal-Providenza bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju 2015.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru billi wieħed iċempel fuq 51602011 għal donazzjoni ta’ €10, 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, jew permezz tal-BOV Mobile Pay fuq 79324834.