Inawgurat monument f’ġieh Mons Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi
“Mons Mikiel Azzopardi kien jemmen bis-sħiħ li l-Providenza ta’ Alla hi bla limitu, bħalma bla limitu huma l-valuri tal-ġustizzja u s-solidarjetà.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ monument f’ġieħ Dun Mikiel fi triq fis-Siġġiewi imsemmija wkoll għalih. “Dun Mikiel,” kompla jgħid Fr Martin, “kien determinat li jibni din id-dar għall-persuni b’diżabilità, anke jekk kien hemm min ħaseb li kien qed jesaġera jew li l-ħsieb tiegħu ma kienx se jirnexxilu. Ħafna kienu spjegawlu li biex jagħmel dan il-proġett ried ħafna fondi. It-tweġiba tiegħu kienet li tefa’ kollox f’ħoġor il-Providenza ta’ Alla.”
Il-monument twaqqaf mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Għaqda Kulturali Siġġiewi li ħadmu id f’id biex il-bust tal-bronż, xogħol l-iskultur Vincent Apap, jieħu postu ma’ oħrajn wild is-Siġġiewi.
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca faħħret lill-poplu Siġġiewi li wieħed u ħamsin sena ilu fetaħ idejh bil-qalb biex jilqa’ lil Dun Mikiel u l-ħolma tiegħu li jibni l-ewwel dar residenzjali għal persuni b’diżabilità fir-raħal tagħhom. Dun Mikiel għex għal tnejn u għoxrin sena sħaħ fid-Dar tal-Providenza u hu midfun fl-istess dar fost dawk il-persuni li tahom rispett, dinjità u drittijiet.
Kelliema oħra kienu s-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, l-Avukat Karol Aquilina, il-President tal-Għaqda Kulturali Siġġiewi, Sun Nikol Aquilina, u n-neputi ta’ Dun Mikiel, l-Avukat Tonio Azzopardi. L-Arċipriet tas-Siġġiewi, il-Kanonku Joseph Grech bierek il-monument u l-ħidma li ssir fid-Dar tal-Providenza.