Imnedija uffiċjalment il-BOV Volleyball Marathon 2014 b’risq id-Dar tal-Providenza

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-BOV Volleyball Marathon 2014, b’risq id-Dar tal-Providenza kienet imnedija uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità.

Il-BOV Volleyball Marathon 2014 se tkun inawgurata uffiċjalment mill-E,T. Marie Louise Coleiro Preca President ta’ Malta nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju 2014 fil-5.30pm fil-cark park tad-Dar tal-Providenza u mistennija tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd 6 ta’ Lulju f’nofsillejl wara 53 siegħa ta’ logħob kontinwui ta’ volleyball.

L-għan ewlieni ta’ din il-maratona huwa li jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza mmexxija mill-Knisja f’Malta li toffri servizzi residenzjali fit-tul u temporanji lil diversi persuni b’diżabilità f’ambjent li jixbah lil dak tal-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom biex b’hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.

Fr Martin qal li l-BOV Volleyball Marathon tiġbor fiha grupp kbir ta’ voluntiera li joffru ftit mill-ħin tagħhom għal kawża ġusta, spettaklu sportiv flimkien mal-Maltin li jingħaqdu biex jappoġġjaw lid-Dar tal-Providenza biex toffri kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti. Huwa stieden lill-pubbliku biex jiġi Id-Dar tal-Providenza fl-ewwel weekend ta’ Lulju biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-players, jiltaqa’ mar-residenti u jħossuhom parti minn inizjattiva għal soċjetà isbaħ.

Is-Sinjura Muscat qalet li l-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità hija r-rabta tal- Bank of Valletta mal-komunità biex jassisti organizzazzjonijiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u b’hekk jiġu mgħejuna biex jinħoloq impatt pożittiv fis-soċjetà tagħna. Hija appellat lill-pubbliku biex jagħti daqqa t’id sabiex din il-maratona tkun suċċess u jinġabru biżżejjed fondi biex Id-Dar tal-Provdienza tkompli taqdi l-irwol kruċjalli tagħha fis-soċjetà Maltija.

Is-Sur Emmanuel Zammit Chairperson tal-Kumitat organizzattiv ta’ din il-maratona qal li grupp ta’ madwar 300 voluntier, bejn players, organizatturi u helpers qed jaħdmu b’ġirja mal-ħin biex din il-maratona tkun suċċess. Huwa żied jgħid li għal darba oħra din il-maratona se tixxandar live fuq l-istazzjonjiet ewlenin tat-televiżjoni filwaqt li d-donazzjonijiet jistgħu jsiru billi wieħed jiġi personalment jagħti d-donazzjoni tiegħu waqt il-maratona kif ukoll permezz ta’ SMS jew billi jċempel fuq in-numri apposta. Wieħed jista’ wkoll jagħti donazzjoni permezz tal-BOV Mobile Pay.