Imnedija s-sitt edizzjoni tal-Maratona tal-Volibol tal-BOV għad-Dar tal-Providenza
Il-Maratona tal-Volibol tal-BOV, sfida ta’ 53 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza, kienet inawgurata b’mod uffiċjali mill-E.T Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Hija kienet akkumpanjata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.
Mal-wasla tagħha, Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet milqugħa mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, filwaqt li ngħatat merħba sabiħa minn dawk kollha preżenti. Fid-diskors tagħha, hija rringrazzjat lill-grupp ta’ 300 volontier għad-dedikazzjoni tagħhom biex jagħtu appoġġ lir-residenti ta’ din id-Dar. “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nkun preżenti llum għal din l-okkażjoni. Attività bħal din toħroġ l-aħjar f’kull wieħed u waħda minna, u hija l-aħjar mod sabiex tiġi mfakkra l-memorja ta’ Mgr Mikiel Azzopardi u l-viżjoni tiegħu, b’mod partikolari din is-sena li qed niċċelebraw il-50 sena anniversarju mill-ħolma tiegħu, ħolma li llum il-ġurnata għadha ħajja, grazzi għad-dedikazzjoni ta’ Fr Martin u ta’ kull min hawn preżenti llum.”
Fl-intervent qasir tiegħu, Fr Martin Micallef irringrazzja lill-pubbliku inġenerali, għas-sapport kontinwu tiegħu. “Għal ħamsin sena, id-Dar baqgħet simbolu tal-ispirtu tas-solidarjetà tal-poplu Malti. Illum ninsabu hawn sabiex inkomplu nsaħħu dan l-ispirtu filwaqt li nkomplu mmexxu ‘l quddiem il-ħolma tal-fundatur tagħna, filwaqt li nibqgħu niddependu biss fuq il-Providenza.” Huwa saħaq fuq il-valur tax-xogħol volontarju li hu s-sinsla tal-Maratona tal-Volibol tal-BOV, filwaqt li enfasizza l-importanza li nuru rispett lejn u nħarsu d-dinjità ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali.
Il-Bank of Valletta qed jagħti s-sapport tiegħu lil din il-maratona għas-sitt sena konsekuttiva, permezz tal-Fondazzjoni Marigold – BOV in the Community li tieħu ħsieb l-irwol filantropiku tal-Bank.
Meta kienet imnedija il-Maratona tal-Volibol tal-BOV, is-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Marigold Foundation – BOV in the Community kompliet turi s-sapport tagħha lejn id-Dar tal-Providenza. Hija faħħret ix-xogħol ta’ fejda li jagħmlu u qalet, “Il-Fondazzjoni Marigold dejjem tkun hemm għal ONG bħad-Dar tal-Providenza, li għandha rwol għandhom rwol importanti ferm fis-soċjetà tagħna, billi tippermetti lir-residenti jgħixu ħajja dinjituża f’ambjent ta’ familja, filwaqt li tipprovdilhom kura u attenzjoni individwali.”
Il-Maratona ser tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd 5 ta’ Lulju fil-grawnds tad-Dar stess. Barra milli juri s-sapport lill-plejers li ser ikunu qed jilagħbu l-volibol, kull min iżur il-maratona jista’ jgawdi uħud mill-aqwa talent Malti, flimkien ma’ artisti żgħażagħ li sena wara sena, jingħataw l-opportunità li jesebixxu ruħhom matul din il-maratona. Fost l-artisti stabbiliti nsibu lil Lawrence Grey, Fabrizio Faniello u Marilena Gauci, li huma ftit mill-ismijiet ta’ dawk li ser ikunu qed joffru divertiment lil dawk preżenti matul tmiem il-ġimgħa ġewwa Id-Dar tal-Providenza. Minbarra l-ispettaklu, matul il-maratona ser ikun hemm divertiment għat-tfal.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru billi wieħed iċempel fuq 51602011 għal donazzjoni ta’ €10, 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Tista’ tingħata wkoll donazzjoni ta’ €6.99 billi tintbagħat SMS vojt fuq 50618944. Il-klijenti tal- BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjonijiet tagħhom fuq in-numru 79324834.