Il-Qalb tad-deheb tal-Maltin tagħti bidu għall-festi tal-Ġublew tad-Deheb tad-Dar tal-Providenza bis-somma ta’ €903,564
€903,564 inġabru waqt Il-Festa ta’ Ġenerożità fid-Dar tal-Providenza organizzata minn RTK4Charity li tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tad-Deheb tad-Dar. Minkejja l-kesħa u x-xita li niżlet matul il-jum, folol kbar irħewlha għas-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom u jkunu parti mid-divertiment li kien għaddej taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Għadd ta’ parroċċi organizzaw ġabriet speċjali.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità uriet il-qalb tad-deheb tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera xita ta’ solidarjetà u ġenerożità mad-Dar tal-Providenza. Huwa rringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u politiċi għall-appoġġ tagħhom u lil dawk il-volontiera kollha li ħadu sehem fl-organizzazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.
Matul il-jum, kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar; il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat; il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, Dr Simon Busuttil; Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dr Michael Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana; l-Amministratur Appostoliku, Mons Charles J. Scicluna u l-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawl Cremona OP li anke qaddes quddiesa fil-kappella tad-Dar. Attendew ukoll għadd ta’ ministri, membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u korpi kostitwiti fost oħrajn.
Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €26,526 mill-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti mogħtija minn aktar minn sebgħin artist lokali. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.
Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ volontiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. PBS, ONE TV u, NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, żeffiena u entertainers oħra.
2 ta’ Jannar, 2015