Il-proġett tad-dwal f’Misraħ San Giovanni XXIII fid-Dar tal-Providenza mal-finalisti fil-WIN Awards

Id-disinn tal-proġett tal-dwal li ntuża biex jinxtegħel artistikament il-Misraħ San Giovanni XXIII

li ġie nawgurat uffiċjalment f’Mejju li għadda, ntgħażel bħala wieħed mill-finalisti fil-World Interiors News (WIN) Annual Awards li se jitħabbru f’Londra fit-2 ta’ Diċembru li ġej.

Is-sottomissjoni tad-disinn għall-kompetizzjoni sar minn Galea&Galea Architects li kienu għamlu d-disinn u twettieq tal-proġett tad-dwal li llum huwa parti mportanti u intrinsika tal-Misraħ San Giovanni XXIII. Id-disinn tad-dwal huwa wieħed minn tmin finalisti li ntgħażlu minn fost ħamsa w għoxrin sottomissjoni mid-dinja kollha.

Kelliem għal WIN qal li l-membri tal-ġurija kellhom biċċa xogħol iebsa biex waslu għall-għażla tagħhom u kienu mpressjonati ħafna bil-livell eċċezzjonalment għoli tas-sottomissjonijiet. Il-WIN Awards huma l-akbar kompetizzjoni ta’ din-xorta fid-dinja.