Il-President ta’ Malta żżur id-Dar tal-Providenza
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar żaru d-Dar tal-Providenza f’għeluq l-ewwel sena tal-Presidenza tagħha. Hija kixfet plakka tal-irħam fil-car park tad-Dar li tfakkar il-quddiesa “ta’ l-Ispirtu s-Santu” li kienet saret mill-Arċisqof Emeritu Mons Pawl Cremona OP taħt tinda mwaqqfa apposta qabel ma ħadet il-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tagħha fil-Belt Valletta. Aktar tard hija ħadet sehem f’quddiesa li saret fil-kappella, iltaqgħet mar-residenti, l-amministrazzjoni u l-ħaddiema tad-Dar u rat b’għajnejha għadd ta’proġetti li tlestew jew li għaddej xogħol fuqhom bħalissa. Fosthom il-pixxina terapewtika, il-bitħa ta’ quddiem il-kappella u l-kmamar multisensorjali.
F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li ż-żjara tal-President ma kinetx qed issir biss f’għeluq l-ewwel sena tal-Presidenza tagħha imma wkoll fl-okkażjoni ta’ għeluq il-ħamsin sena tad-Dar fejn se jkunu qed jiġu organizzati diversi attivitajiet biex jitfakkar dan l-anniversarju speċjali
.
“Il-ħidma tiegħek matul din is-sena,” qal Fr Martin fid-diskors tiegħu lis-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca, “kienet ħidma impenjattiva ħafna għalik bħal l-Kap tal-Istat Malti b’mod speċjali biex dan in-nazzjon għażiż ikun aktar inklussiv, ġust, ugwali u solidali ma’ kull min għandu bżonn xi tip ta’ appoġġ, nazzjon li għandu għal qalbu ż-żgħir u li jara d-differenza bħala xi ħaġa sabiħa u mhux theddida.”
Il-President ta’ Malta faħħret il-ħidma sfieqa li ssir fid-Dar tal-Providenza u l-għożża u d-dedikazzjoni tal-carers u l-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu direttament mar-residenti. Hija qalet li mhix kapaċi tirreżisti stediniet biex iżżur din id-Dar għax kull darba tara b’għajnejha l-għożża u l-imħabba li teżisti fiha.
Is-Sinjura Marie-Louise Coleiro u r-raġel tagħha Edgar imbagħad kienu l-mistiedna tal-unur waqt pranzu li sar għalihom. Kienu preżenti wkoll għadd ta’ residenti flimkien mal-amministrazzjoni tad-Dar.