Il-President-Elett tattendi Quddiesa tal-Inawgurazzjoni taħt it-tinda fid-Dar tal-Providenza

Il-President-Elett, l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca għażlet li tieħu sehem f’quddiesa taħt it-tinda fil-car park tad-Dar tal-Providenza qabel ma mbagħad tmur tieħu l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta. Din il-quddiesa se ssir il-Ġimgħa, 4 t’April. Se tibda fit-3.00pm u mistennija tintemm ftit wara l-4.00pm. Il-quddiesa se tkun iċċelebrata minn Mons Arċisqof Pawl Cremona OP flimkien man-Nunzju Apostoliku, Mons Aldo Cavalli, l-Isqof t’Għawdex, Mons Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju, Mons Charles J. Scicluna u għadd ta’ saċerdoti

Kif titlob okkazzjoni bħal din se jkunu mistiedna wkoll l-għola awtoritajiet tal-pajjiż, familjari, Ambaxxaturi u mistednin distinti oħra. Il-quddiesa kollha se tkun imxandra fuq il-mezzi tax-xandir lokali.

Għal din il-quddiesa, il-President Elett xtaqet tistieden lir-residenti kollha tad-Dar.

Is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca se tkun id-disa’ President ta’ Malta u t-tieni mara li se tokkupa din il-kariga għolja wara s-Sinjorina Agatha Barbara (1982-87).