Il-Ministru Dr Farrugia u s-Segretarja Parlamentari Dr Caruana jiltaqgħu mar-residenti tad-Dar tal-Providenza
Il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dr Michael Farrugia u s-Segretarja Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana qalu li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jħabbar għadd ta’ inizjattivi li għandhom ikomplu jtejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabiltà. Dan qaluh waqt żjara li għamlu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn minbarra li ltaqgħu u tkellmu mar-residenti żaru l-ICT Lab u l-Kamra Multisensorjali li sena ilu ġiet inawgurata uffiċċjalment mill-President, illum Emeritus, Dr George Abela.
Dr Farrugia saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni li hemm bejn l-Istat u l-Knisja fejn jidħlu l-persuni b’diżabiltà. Il-Knisja minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tagħti sehemha f’dan is-settur. Il-Ministru wiegħed l-appoġġ tal-Gvern f’dak kollu li qed tagħmel il-Knisja speċjalment fid-Dar tal-Providenza biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabiltà.
Minn naħa tagħha, Dr Caruana faħħret il-ħidma tad-Dar tal-Providenza fuq livell uman u fuq livell soċjali u tenniet li bis-saħħa tar-relazzjonijiet u kooperazzjoni mill-qrib ikomplu jissaħħu s-servizzi u l-benefiċċji għall-persuni b’diżabiltà.
Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li d-Dar hi kommessa li tkompli tagħti l-aqwa servizz residenzjali lill-persuni b’diżabilità li huma u/jew il-familjari tagħhom jagħżlu li jieħdu mingħandha u li sa fejn hu possibbli toffri servizzi ta’ respite biex hekk tgħin f’dan il-qasam ukoll. Huwa żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hija kommessa wkoll li tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-Forum tal-Organizzazzjonijiet li joffru Servizzi Residenzjali lill-Persuni b’Diżabilità u fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità biex jiġi assigurat li din il-ħidma f’pajjiżna ssir b’mod ikkoordinat l-aktar possibbli. Fr Martin wiegħed ukoll “l-appoġġ sħiħ lill-Gvern biex hekk, b’ħidma flimkien tassew nassiguraw li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-familja tagħhom ikunu dejjem mħarsa.”