Il-Koppja Adelina U Marcel Pisani Jingħataw Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2013
Adelina u Marcel Pisani ingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2013. Adelina u Marcel huma ġenituri ta’ Andrew, Matthew u Paul. Kemm Andrew, li miet ta’ 26 sena, kif ukoll Paul twieldu b’diżabilità ntellettwali. Minkejja t-tbatija u l-qtiegħ il-qalb li din is-sitwazzjoni ġabet fil-ħajja tagħhom mhux talli ma qatgħux qalbhom anzi bil-għajnuna t’Alla sabu l-kuraġġ li jissieltu biex uliedhom ikollhom ħajja aħjar kif ukoll taw appoġġ lil mijiet ta’ ġenituri oħra li sabu ruħhom fl-istess sitwazzjoni. (Bijografija aktar dettaljata hija mehmuża)
Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità bit-tema: “Inkissru l-ostakli, niftħu l-bibien għal soċjetà nklussiva għal kulħadd”.Dan il- Jum Internazzjonali għandu l-għan li joħloq aktar għarfien dwar il-persuni b’ diżabilità, id-dinjità, id-drittijiet u l-ġid sħiħ tagħhom. Dan il-Jum iħeġġeġ ukoll għal aktar għarfien dwar il-vantaġġi li s-soċjetà tista’ takkwista mill-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità f’kull aspett tal-ħajja politika, socjali, ekonomika, kulturali u reliġjuża.
Fr Martin qal li fid-dinja llum hu ikkalkulat li hawn madwar biljun persuna jew 15 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija li jgħixu b’xi forma ta’ diżabilità. Sfortunatament ħafna minn dawn il-persuni anke f’pajjiżna jiffaċċjaw ostakli fiżiċi, soċjali u ekonomiċi, u attitudnijiet negattivi li ma jħalluhomx jipparteċipaw b’mod sħiħ u effettiv bħala membri indaqs tas-soċjetà.
Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta w Għawdex. Dan il-Premju tnieda ghall-ewwel darba tmintax-il sena ilu, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. (Lista tar-rebbieħa tal-edizzjonijiet l-imgħoddija hija mehmuża).
Il-kunċert u l-preżentazzjoni tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi saru taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, Dr George Abela u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona O.P. F’diskors qasir il-President Abela qal li kien f’dawn l-aħħar snin li d-dinja bdiet tieħu l-passi meħtieġa biex jingħata għarfien sħieh lill-persuni b’diżabilita’ anke permezz tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ mgħoddija mill-Ġnus Magħquda fl-2007. Imma ħamsin sena ilu kien Dun Mikiel Azzopardi, il-viżjonarju, li f’pajjiżna beda t-triq għall-għarfien tal-persuni b’diżabilita’. Is-Sur Joe Camilleri, Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, tkellem dwar dawk li b’ħidmithom għenu biex il-persuna b’diżabilita’ tieħu postha fis-soċjeta’: Il-ġenituri, l-għalliema fl-iskejjel u l-professjonisti. Temm biex ifakkar fil-progress kbir li sar f’pajjiżna biex il-persuni b’diżabilita’ jieħdu l-post xieraq tagħhom fis-soċjeta’. Mons Arcisqof, li ppreżenta wkoll il-premju Dun Mikiel Azzopardi 2013 lill-koppja Adelina u Marcel Pisani, qal li għandna nkomplu nagħmlu dak li Dun Mikiel kien irid għall-persuni b’diżabilita’ billi ma nagħtuhom xejn ħlief l-aħjar.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Kaptan John Ivan Borg, daqqet diversi siltiet mużikali uħud minnhom bis-sehem tas-sopran Rosabelle Bianchi,ta’ Miklos Rosza, Mozart, Handel, Massenet, Mons Marco Frisinau ohrajn kif ukoll xogħlijiet Maltin tas-Surġent Raymond Zammit u l-Gunner Peter Cini.
Il-Kunċert kien organizzat mill-RTK4Charity-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Kapitlu Metropolitan.